Coronavirus Lokali

L-użu tal-maskra tajjeb għal kontra l-pandemija ?

L-esperti jisħqu li hemm bżonnha … iżda mhux biss

Wara prassi li issa ilha għal diversi snin fil-pajjiżi tal-Lvant, b’mod partikolari f’dawk l-ibliet Ażjatiċi, id-dinja tal-punent issa ġiet konxja dwar l-importanza li persuna tilbes maskra protettiva.

It-tifrix tal-Coronavirus qajjem fil-popli mhux biss il-biżgħa li jimirdu iżda ankè kuxjenza li jistgħu jmarrdu lil min hu aktar vulnerabbli minnhom.

Iċ-ċittadini ta’ Laredo, Texas – fl-Istati Uniti jistgħu jeħlu sa massimu ta’ $1,000 multa ġaladarba jinqabdu barra djarhom mhux lebsin maskra protettiva. Is-Sindku tal-lokal sostna li jipreferi jidfen liċ-ċittadini tiegħu fid-dejn milli f’tebut. Dan filwaqt li rappreżentanti mill-White House tal-President Amerikan Donald Trump saħqu li minkejja li huwa ta’ importanza kbira li l-pubbliku jkollu lbies protettiv kontra din il-pandemija, l-importanti huwa li dawk il-mediċi frontliners ikollhom kemm hemm bżonn.

Iżda min u kif għandhom jilbsu maskra? L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tisħaq li l-ilbies protettiv għandu jintlibes biss minn min qed jieħu ħsieb il-vulnerabbli jew sintendi min ittestja pożittiv għal Covid-19. Madanakollu l-esperti saħqu li xorta waħda wieħed għandu jaħsel idejh ta’ spiss, kif ukoll iżomm id-distanza minkejja li jkun liebes maskra.

Dan filwaqt li ġie spjegat min-numru ta’ mediċi li l-virus, trażmess mit-titjiriet tal-għatis u sogħla, minkejja li jkollok ħalqek u mnieħrek mgħottija – xorta waħda jista’ jidħol minn għajnejk. Għaldaqstant biex il-wiċċ ikun protett kompletament, persuna għandha tilbes ukoll nuċċali protettiv.

L-esperti komplew jispjegaw li l-maskra ideali sabiex tintlibes hija dik tat-tip n95 jew is-surgical masks li jintużaw fl-isptarijiet. Madanakollu l-ewwel tip l-aħjar li jintużaw mill-mediċi li jħabbtu wiċċhom ma’ każijiet bħal dawn ta’ kuljum.

Minkejja l-fatt li tilbes maskra huwa ta’ protezzjoni kontra t-tixrid tal-Covid-19, persuna xorta waħda trid iżżomm attenzjoni, b’mod speċjali meta tilbisha jew tneħħiha. Sintendi, jekk persuna tkun liebsa surgical mask u tagħtas fiha għandha tarmiha minnufih, taħsel idejha u tilbes oħra.

Fl-aħħar ġimgħat, li tara persuna liebsa maskra miexja fit-triq saret ħaġa komuni. Fl-Awstrija fost oħrajn, l-Pulizija tqassmulhom il-maskri bħala parti mill-uniformi, filwaqt li impjegati f’supermarkets huma obbligati jilbsu waħda. Fl-Istati Uniti, fost oħrajn, l-attur Arnold Schwarzenegger ta’ donazzjoni ta’ miljun dollaru f’maskri filwaqt li l-plejer ta’ Real Madrid, Casemiro, ta għotja ta’ 6,000 maskra f’raħal twelidu fil-Brażil.

Finalment l-esperti saħqu li appati l-ilbies ta’ maskra huwa ta’ importanza kbira li persuna taħsel idejha bis-sapun għal 20 sekonda, tisgħol jew tagħtas f’tissue – u ġaladarba jkollha idejha maħmuġin ma tmissx għall-ebda raġuni wiċċha.