Coronavirus Knisja Lokali

It-tifkira tad-Duluri… fi żmien ta’ dulur kbir għad-dinja kollha

Sa minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija, id-devoti Nsara Maltin ta’ kull sena bħal lejla joħorġu bi ħġarhom biex jimxu wara l-vara ta’ Maria Addolorata. Purċissjoni li tikkommemora d-Dulur ta’ Marija omm Ġesù.

It-tradizzjoni tal-purċissjoni tad-Duluri bdiet issir minn qabel it-Tieni Gwerra Dinjija, imma żiedet sew fil-popolarità fit-tieni nofs tas-Seklu l-iehor…. u skont dokumenti li jeżistu, jidher li din hija l-ewwel darba li ġiet imħassra din il-kommemorazzjoni – bil-purċissjonijiet kollha ma jsirux minhabba r-restrizzjonijiet marbuta mal-Coronavirus.

Kaġun tal-maltemp, il-purċissjoni tal-Belt ġieli ma saritx, jew minflok ħarġet f’Ħadd il-Palm. Madankollu, apparti minħabba t-temp, id-Duluri qatt ma tħassret b’mod uffiċjali kif ġara din is-sena.

Il-purċissjonijiet tradizzjonali f’pajjiżna ta’ kull sena jiġbdu lejhom folol kbar li jimxu bl-akbar qima u fil-ġabra tat-Talb tar-rużarju, b’uħud jimxu wara d-Duluri … anke ħafja… biex iwettqu l-wegħdi tagħhom.

Dawn il-purċissjonijiet isiru f’diversi bliet u rħula madwar Malta u Ghawdex, b’dik tal-Knisja ta’ Ġieżu tkun fost l-aktar popolari. Fir-Rabat Għawdex, iż-żewġ parroċċi tradizzjonalment jingħaqdu wara l-istatwa li toħroġ mill-Knisja ta’ San Ġakbu.

Incidentalment, iż-żmien ta’ sfida li ninsabu fih bħalissa bħal donnu għaqqad aktar lill-poplu biex jiċċelebra id-Duluri fl-ispirtu, minħabba li ċ-ċelebrazzjonijiet fil-knejjes tħassru wkoll, u minflok, il-quddisiet ixxandru fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni.

L-Isqof Awżiljarju, Monsinjur Joseph Galea Curmi filgħodu qaddes f’Ta’ Ġieżu flimkien ma’ Patri Marcellino Micallef,  fejn tkellem dwar Marija li kienet wieqfa taħt is-salib, maġenb binha Ġesù. U fakkar kif Maria ma tissemmiex fil-mumenti tat-trijonf ta’ Kristu, imma tissemma’ li kienet miegħu fil-passjoni u t-tbatija.

Intant fil-messaġġ li għamel l-Amministratur Appostoliku għal Għawdex Monsinjur Mario Grech għal Jum id-Duluri, huwa appella għall-għajnuna tal-pubbliku biex jinxtara ventilator għall-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Dan bħala ġest ta’ karità f’dan iż-żmien ta’ Covid-19.