“Ma rridx li l-istorja tal-familja tiegħi tintesa. Imma fuq kollox ma rridx li l-mewt ta’ Miriam tkun għalxejn. Irridha tkun l-ixprun għal aktar liġijiet riġidi għall- kostruzzjoni, u liġijiet li jaraw li l-vittmi jkunu mill-ewwel meħlusa minn kull tbatija oħra, inkluż spejjeż li jsibu ruħhom fihom intortament”.
Kien dan il-messaġġ li għaddielna Charles, ir-raġel ta’ Miriam Pace li xahar ilu tilfet ħajjitħa taħt it-terrapien ta’ darha stess.
Filwaqt li l-ġerħa tal-familja ta’ Miriam għadha friska, u ma xtaqtux jagħtu intervisti, Charles għaddielna ritratti ta’ mumenti sbieħ ma’ Miriam.. memorji sbieħ ta’ omm u mara li, fi kliem Charles, ħalliet vojt kbir warajha. Spjegalna kemm kellha għal qalbha il-fidi tagħha u li fost affarijiet oħra kienet tibda l-ġurnata tagħha dejjem bil-qari tal-ġurnata mill-Bibbja.
Id-diskussjoni mal-familja tagħha kienet importanti ħafna għaliha. “Konna nitkellmu fuq kollox”, qalilna Charles.
Hu qalilna kif flimkien ma’ Miriam kienu għamlu snin imexxu koppji fil-kors ta’ Kana, iżda stqarr li l-preparazzjoni kienet taghmilha kollu Miriam, u lilu kienet tgħidlu li kull ma jrid jagħmel hu li jissapportajaha f’dak li tkun qed tgħid. Charles qalilna li ħafna minn dawn il-koppji kienu baqgħu f’kuntatt magħhom.
Xahar eżatt mill-mewta traġika ta’ Miriam Pace, permezz ta’ post fuq Facebook, hu ddeskriva t-traġedja bħala ħolma kerha li għadhom qed jgħixu.
Fil-messaġġ tiegħu, Pace jitkellem direttament ma’ martu dwar il-festa tad-Duluri, fejn iħares lura għal drabi meta t-tnejn iddiskutew it-tbatijiet tal-Madonna, u jgħidilha li issa hi qegħda fil-glorja mal-Madonna u mhux fit-tbatija.
Il-messaġġ mimli emozzjoni ta’ Charles iwassal l-uġigħ li qed jgħixu ta’ kuljum, hu, uliedhom u l-qraba u l-ħbieb li ħalliet warajha Miriam nhar it-2 ta’ Marzu. In-nuqqas tagħha għadu jinħass ħafna.
“Il-bejta tagħhna” jgħid Pace, il-familja ideali li kellha tgħaddi minn din it-traġedja li kultant lanqas jemmen li ġrat. “Nibda naħseb li ma ġratx vera… allura, li ħa nerġa narak… nerġa ngħannqek… jew nerġa nbusek.. iżda fl-istess ħin nirrealizza li dan il-ħsieb hu biss xewqa li ma tistax tiġi mwettqa”
Xewqa biss. Realtà li kienet teżisti, iżda li m’għadhiex. U dan kollu, qal Charles, għar-regħba ta’ ħaddieħor.
//= $special ?>