Lokali

Maġġoranza ta’ nisa fl-Università

Ċifri maħruġa mill-NSO għas-sena akkademika 2017-18 juru li minn fost l-istudenti kollha li kienu qed isegwu kors fil-livell terzjajrju…kważi terz kienu qed jagħmlu Masters, jew kors ekwivalenti għal Masters.

In-nisa jibqgħu predominanti fil-livell ta’ Universita’, filwaqt li 46% ta’ dawk kollha li kienu qed jistudjaw fil-livell terzjarju għandhom bejn l-20 u l-24 sena.

Huwa ċar li anke fl-Universita’ il-popolazzjoni ta’ barranin qed tkompli tikber, u issa qabżet sew l-1,500 ruh – 685 ġejjin minn pajjiżi tal-UE filwaqt li 938 ġejjin minn pajjiżi oħrajn. F’dan ir-rigward…l-akbar ammont ta’ studenti kienu Ingliżi, Libjani, Taljani u Indjani.

Fejn jidħlu l-aktar korsijiet popolari…dejjem b’referenza għall-istampa kif kienet sentejn ilu…jibqgħu fuq quddiem il-korsijiet tal-liġi u tan-negozju. Warajhom is-saħħa, l-arti u l-humanities. Jonqos fil-popolarita’ l-kors tal-ICT, filwaqt li l-kors tal-inġinerija jiġi fil-ħames post. L-inqas korsijiet popolari fost l-istudenti huma dawk relatati mal-agrikolturi u l-veterinarji.

Interessanti l-fatt li fil-livell terzjarju, aktar minn 1,200 student kienu Għawdxin….filwaqt li bħala pajjiż, l-istudenti kienu imqassma kważi b’mod bilanċjat mid-diversi żoni ta’ Malta.

Skont l-istatistika tal-NSO, fil-livell ta’ Sixth Form kien hemm aktar minn 10,400 student. Dawn f’korsijiet vokazzjonali kienu jammontaw ghal ftit aktar minn nofs l-istudenti post-sekondarji.