Coronavirus Lokali Saħħa

“M’għandix dubju li fiequ aktar minn tnejn” – Dr. Charles Mallia Azzopardi

“Mal-inqas sintomi għamlu kuntatt mal-Awtoritajiet tas-Saħħa”

“M’għandix dubju li f’Malta fiequ aktar minn żewġ pazjenti mill-Covid-19”. Hekk sostna t-tabib Charles Mallia Azzopardi, il-persuna inkarigata mill-proċeduri fi ħdan l-IDU, waqt intervent fuq il-midja soċjali ta’ Facebook.

Huwa saħaq li biex persuna tiġi kkonfermata uffiċjalment li fieqet mill-virus trid tittestja negattiv b’mod ripetut, iżda spjega li bl-ammonti kbar ta’ swabs li qed isiru f’Malta, diffiċli li wieħed jagħmel l-iswabs fuq l-istess persuna kontinwament.

It-tabib Mallia Azzopardi spjega li s-sintomi ta’ Covid-19 ivarjaw. Hemm sintomi li huma ħfief ħafna fejn normalment nassoċċjawhom ma’ sempliċi riħ. Sintomi oħra huma dawk ta’ influwenza; b’deni, għejja u uġiegħ mal-għadam u l-ġogi. Dan filwaqt li hemm dawk li huma serji bħal sogħla qawwija u qtugħ ta’ nifs.

Għaldaqstant, it-tabib appella lill-pubbliku sabiex meta nħossu l-inqas sintomu, ankè jekk huma sintomi ħfief li normalment tmur bihom ix-xogħol, importanti li jżommu kwarantina u jagħmlu minnufih kuntatt mal-helpline 111. Dan b’mod speċjali għal dawk li jaħdmu fi sptar jew b’kuntatt kontinwu man-nies bħal nursing homes jew supermarkets.

“Fadal minimament 6 xhur oħra biex ikollna vaċċin”

It-tabib Mallia Azzopardi spejga li l-proċess sabiex jinstab vaċċin huwa kkumplikat ħafna, l-għaliex mhux biss irid jinstab wieħed li jaħdem, iżda wieħed li huwa sigur għall-bniedem. Għaldaqstant huwa saħaq li għandna nistennew mill-inqas sitt xhur oħra sakemm jaf ikollna vaċċin adegwat.

Finalment huwa serraħ ras il-pubbliku hekk kif insista li fil-maġġoranza kbira tal-pazjenti, il-Coronavirus mhux ser jagħmel problemi kbar ta’ saħħa. Ovjament, hemm dak il-persentaġġ żgħir ta’ nies li ser ikiddhom aktar minn ħaddieħor, b’mod partikolari l-anzjani u l-vulnerabbli.

Huwa saħaq li apparti l-ossiġnu, qed jintużaw mediċini speċifiċi kontra l-kumplikazzjonijiet serji li jaf iwassal għalihom Covid-19 – u jidher li qed jaħdmu u jagħtu l-frott li hu mixtieq minnhom.

L-Isptar Mater Dei – Mill-Arkivji