Internazzjonali

Renju Unit: Sigħat biss ‘il bogħod mill-konferma tal-Kap Laburista ġdid

Fir-Renju Unit ingħalqet il-votazzjoni għal Kap il-ġdid tal-Partit Laburista; votazzjoni li kienet ilha għaddejja mill-24 ta’ Frar. Fost dawk li vvutaw kien hemm 114,000 membru ġdid li ssieħbu fil-Partit wara l-elezzjoni ġenerali ta’ Diċembru li fiha l-Laburisti kienu kisbu l-anqas numru ta’ siġġijiet sa mill-1935.

Il-membri tat-trade unions u l-gruppi affiljati ukoll ivvutaw għall-kap ġdid tal-Partit Laburista.

Is-Sibt ikun magħruf min mill-kandidati se jieħu post Jeremy Corbyn bħala Kap tal-Labour, meta Keir Starmer qed jissemma bħala favorit għall-kariga…Dan meta ħadd mhu jiskludi l-prospetti tal-kandidati Lisa Nandy u Rebecca Long-Bailey.

Fis-sigħat li ġejjin, se jkun anki magħruf il-Viċi-Kap Laburista ġdid minflok Tom Watson li kien irriżenja lejn l-aħħar tas-sena l-oħra.

Ir-rapporti jindikaw li l-membri tal-partit se jaċċertaw mill-konferma tal-Kap Laburista ġdid permezz ta’ email u bil-mezzi tal-media. Ingħad ukoll li l-kandidati kollha kienu mitluba biex jirrekordjaw diskors tar-rebħa bil-għan li dan jitwassal lill-poplu mill-aktar fis possibbli ladarba jkun ikkonfermat is-suċċessur ta’ Corbyn.