Coronavirus Futbol Sport

Uħud mill-plejers ma jistax ikollhom tnaqqis fil-paga – FIFPRO

(Ritratt: sportsintegrityinitiative.com)

Il-union dinjija tal-plejers, il-FIFPRO qalet li numru ta’ plejers professjonali ma jistax ikollhom tnaqqis fil-paga tagħhom, minħabba li dawn għandhom dħul li hu inqas mill-medja. Fl-aħħar ġranet kien hemm bosta li sejjħu biex il-plejers tal-Premier League ikollhom tnaqqis fil-pagi tagħhom, hekk kif il-kampjonat jinsab sospiż minħabba l-imxija tal-coronavirus.

Is-Segretarju Ġenerali tal-FIFPRO, Jonas Baer-Hoffmann sostna li s-sitwazzjoni hija differenti f’pajjiżi oħra u li bosta plejers ma jistgħax ikollhom tnaqqis fil-paga minħabba li huma mħallsa l-istess daqs kull impjegat ieħor fil-pajjiż. Baer-Hoffmann ġab l-eżempju tas-Serie A fejn qal li s-sitwazzjoni għall-plejers ta’ Juventus li laħqu ftehim li jkollhom tnaqqis fil-paga tagħhom, hija differenti minn dik ta’ plejers li jilagħbu ma’ timijiet li jinsabu lejn in-naħa t’isfel tal-klassifika tas-Serie A.

Hu temm billi qal li huwa essenzjali li l-kampjonati ma jiġux ikkanċellati kif ġara fil-Belġju minħabba li jekk jiġri dan tista’ tkun sitwazzjoni “katastrofika”, b’ħafna nies relatati mal-futbol jitilfu l-impjieg tagħhom.