Internazzjonali

Żviluppi tal-Covid-19 …

Ir-Renju Unit ikkonferma 684 mejtin ġodda mill-coronavirus fuq perjodu ta’ 24 siegħa — u għal total ta’ 3,605 vittma fuq bażi nazzjonali. Intant, ħarġet l-aħbar li r-Reġina Eliżabetta se tkellem lin-nazzjon permezz ta’ xandira li għandha ssir nhar il-Ħadd. Dan se jkun biss ir-raba’ diskors tar-Reġina li mgħandux x’jaqsam mal-messaġġ tagħha għal Jum il-Milied tul it-68 sena li ilha fuq it-tron tal-Ingilterra.

L-Olanda ħabbret 148 mewta oħra b’konnessjoni mal-firxa tal-coronavirus, bit-total tal-vittmi fil-pajjiż jitla’ għal 1,487. Intant, l-Olanda anki kkonfermat 1,026 każi ġodda tal-coronavirus, biċ-ċifra uffiċjali tal-infezzjonijiet jaqbżu għal 15,723 skont ir-rapport ta’ kuljum mill-Istitut Nazzjonali tas-Saħħa.

L-Iżvizzera rappurtat żieda oħra fl-imwiet mill-coronavirus – minn 432 għal 484 – bin-numru jkun ikkonfermat mill-Ministeru tas-Saħħa. In-numru ta’ persuni li testjaw pożittiv għall-virus fl-Iżvizzera żdiedu wkoll għal 19,303, mit-18,267 tal-Ħamis.

Ir-reġjun taċ-Ċeċenja, fin-nofsinar tar-Russja, sar l-ewwel reġjun li introduċa curfew għal bil-lejl biex jipprova jevita l-firxa tal-coronavirus u minkejja li kienu rappurtati biss mat-tużżana każi lokali. Iżda l-attivisti huma mħassbin dwar kif il-miżuri tal-lockdown se jkunu infurzati fir-Repubblika taċ-Ċeċenja, fejn l-abbużi vjolenti tad-drittijiet tal-bniedem qed ikunu rappurtati fuq bażi regolari.

Iżrael ukoll qed jagħmel il-kalkoli tal-coronavirus, bl-awtoritajiet jagħlqu l-aċċessi għal belt fejn il-maġġoranza tar-residenti huma Lhud Ortodossi – u fost direttivi biex is-suldati Iżraeljani jgħinu lill-poplu lokali. Il-Kabinett approva regoli tal-emerġenza biex jiddikjaraw lil Bnei Brak (qrib Tel Aviv) bħala ‘zona ristretta’ minħabba r-rata għolja tal-infezzjonijiet.

Il-Vjetnam irreġistra għaxar każi oħra tal-coronavirus, bl-ammont, fuq bażi nazzjonali, jitla’ għal 237. Fil-Vjetnam, saru ‘il fuq minn 73,000 test tal-coronavirus, bi 72,942 persuna jispiċċaw f’sitwazzjoni ta’ kwarantina. Intant, ma kienu rappurtati l-ebda vittmi f’dan il-pajjiż Asjatiku.