Futbol Sport

36 SENA ILU: Ħamrun Spartans jerġgħu jirbħu l-FA Trophy b’gowl opportunist ta’ Konrad Sultana

(Ritratt: In-Nazzjon)

4 TA’ APRIL 1984

Ħamrun Spartans rebħu l-FA Trophy għat-tieni staġun konsekuttiv b’rebħa ta’ 1-0 kontra Żurrieq fil-finali. Din r-rebħa fissret ukoll li għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom, Ħamrun ikkwalifikaw biex jilagħbu fit-Tazza tat-Tazzi. Din il-logħba kienet it-tieni waħda fi ftit jiem wara li fl-1 ta’ April tal-1984, il-finali ntemmet 0-0 wara l-ħin barrani u f’dak iż-żmien il-logħba kienet terġa’ tintlagħab.

Il-logħba kienet taħt sigurtà massima wara l-inċidenti li nqalgħu fil-logħba ta’ qabel u li wassal għal diversi miżuri biex tinżamm il-protezzjoni. Fl-ewwel finali, In-Nazzjon iddeskriviet l-inċidenti li nqalgħu. “Sfortunatament kellna għadd kbir ta’ ġebel, murtali fuq l-avversarji, b’nies feruti, fire-engines, pulizija u mitt elf ħaġa oħra.”

It-tieni logħba li ntlagħbet tlett ijiem wara, wasslet għal sigurta massima. Fil-ħarġa ta’ In-Nazzjon l-għada tal-logħba ntqal li “Kien hemm għal-lest żewġ fire-engines, pulizija fuq iż-żwiemel, oħrajn għassa bil-klieb, u kontinġent ieħor bit-tarka waqt li l-partitarji kienu segregati f’naħat opposti.”

(Ritratt: In-Nazzjon)

Il-logħba ġiet deskritta bħala medjokri, b’pubbliku mdqqas sew, f’temp sabiħ u b’kontroll tajjeb tar-referee Twanny Agius. Fl-ewwel taqsima, Ħamrun dehru ftit aktar aggressivi filwaqt li Żurrieq bdew aħjar fit-tieni taqsima. Il-logħba baqgħet bilanċjata biex kompliet fil-ħin barrani.

Il-gowl deċiżiv wasal fis-97 minuta meta minn azzjoni konfuża fil-kaxxa, il-ballun ixxellef għal fuq il-lemin, Michael Degiorgio rebaħ id-dwell ma’ Falzon u xeħet għan-nofs lejn is-sostitut KONRAD SULTANA li tar minn tulu biex b’daqqa ta’ ras għeleb lil Anthony Pace.

(Ritratt: In-Nazzjon)