Internazzjonali

52 sena mill-assassinju ta’ Martin Luther King

“Jien għandi ħolma. Għandi ħolma li xi darba it-tfal tal-iskjavi u t-tfal tas-sidien ikunu jistgħu jpoġġu bil-qiegħda fuq l-istess mejda bħall-aħwa. Għandi ħolma li meta aħna nikbru u jkollna t-tfal tagħna, dawn ikunu jistgħu jgħixu f’pajjiż li fih ma jiġux iġġudikati mill-kulur tal-ġilda tagħhom imma mill-kwalità tal-karattru tagħhom.”

Dawn kienu il-kliem illi dwew f’Washington DC, nhar it-28 t’ Awwissu tal-1963, fil-Marċ il-Kbir għax-xogħol u d-drittijiet ċivili – kliem il-mexxej kariżmatiku Martin Luther King, li ġie assassinat 52 sena ilu…. fl-4 t’April tal-1968. Hu kellu 39 sena.

L-assassinju seħħ f’Memphis, meta James Earl Ray, ħabsi maħrub, sparalu tir waqt li Martin Luther King kien f’gallarija jappoġġja lill-kenniesa li kienu qed jistrajkjaw.

King, qassis Amerikan meqjus bħala l-aktar vuċi importanti għall-Amerikani Afrikani ta’ ġilda skura fl-Istati Uniti, kien jiġbed il-folol warajh bid-diskorsi mqanqla tiegħu favur id-drittijiet ċivili.

Ispirat mit-twemmin Nisrani tiegħu u l-attiviżmu ta’ Mahatma Gandhi, Martin Luther King mexxa l-kampanji tiegħu mingħajr vjolenza u diżubbidjenza ċivili. L-isforzi tiegħu għenu biex jitfassal l-Att dwar id-Drittijiet Ċivili fl-1964 u l-Att dwar id-Dritt tal-Vot sena wara.

Fl-14 t’Ottubru, 1964, Martin Luther King rebaħ il-Premju Nobel għal-Paċi għall-ġlieda tiegħu kontra d-diskriminazzjoni razzjali.