Coronavirus Lokali Saħħa

COVID-19: 11-il każ ġdid f’Malta… total ta’ 213

Fost il-każijiet il-ġodda

Wara li għaddew erba’ ġimgħat minn mindu faqqa’ l-ewwel każ ta’ coronavirus f’pajjiżna, in-numru ta’ persuni li ttestjaw pożittiv issa tela’ għal 213.

Dan hekk kif fl-aħħar 24 siegħa, 11-il persuna ttestjaw pożittiv għall-COVID-19, kollha każijiet ta’ trażmissjoni lokali.

Fost il-każijiet il-ġodda hemm tifla ta’ sentejn li żviluppat sintomi ta’ deni fit-3 t’April. Bħalissa qed isir il-contact tracing fi ħdan il-familja tat-tarbija.

Maltija ta’ 47 sena, li daħħlet l-isptar b’kundizzjoni mhux relatata ma’ COVID-19, kellha s-sogħla u ttieħdet sentinella li rriżulta fil-pożittiv. Hija qed tinżamm fl-IDU u qed isir il-contact tracing fost il-persuni li għamlet kuntatt magħhom.

It-tielet każ huwa ta’ raġel Malti ta’ 50 sena, li fil-25 ta’ Marzu wera sintomi ta’ sogħla u ttestja pożittiv. Bħalissa qed isir it-test fuq 2 membri oħra tal-familja.

Każ pożittiv ieħor huwa ta’ Malti ta’ 46 sena li fit-2 t’April żviluppa uġiegħ fil-muskoli u bħalissa qed isir il-contact tracing.

Fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far reġa’ ġie kkonfermat każ pożittiv ieħor, dak ta’ barrani ta’ 26 sena li ma kellux relazzjoni diretta mal-pazjent tal-bieraħ iżda jgħix fl-istess żona. Is-sintomi żviluppawlu s-sintomi fit-30 ta’ Marzu b’uġiegħ fil-griżmejn u sogħla. Il-pazjent ġie iżolat filwaqt li n-nies li jgħixu fl-istess żona, 5 b’kollox, inżammu fi kwanatina.

Barranija oħra ta’ 28 sena, li ma kinitx qed taħdem, ittestjat pożittiv wara li żviluppawlha running nose u sogħla.

L-istess sintomi żviluppaw fl-24 ta’ Marzu fis-7 każ pożittiv, dik ta’ barrani ta’ 24 sena. Dawk li jgħixu miegħu qed jinżammu fi kwarantina filwaqt li qed isir risk assessment fuq il-post tax-xogħol.

It-tmien każ pożittiv huwa ta’ ħaddiem fil-kura tas-saħħa li kellu sintomi ta’ deni filwaqt li l-persuni li jgħixu miegħu qed jinzammu fi kwarantina.

Barrani ta’ 35 sena, residenti Malta, ittestja pożittiv għall-COVID-19 wara li ħass uġiegħ ma’ ġismu u żviluppa d-deni. Ir-raġel jgħix ma’ 3 barranin oħra li qed jinżammu fi kwarantina filwaqt li qed isir risk assessment fuq il-post tax-xogħol.

Malti ta’ 66 sena, li ddaħħal l-isptar biex jagħmel operazzjoni mhux relatata, ittesta pożittiv għall-COVID-19 minn sentinella li saret. Bħalissa qed isir contact tracing tal-istaff tal-isptar.

L-aħħar każ huwa ta’ Maltija ta’ 40 sena, li fit-28 ta’ Marzu żviluppawlha sintomi ta’ għejja u uġiegħ ta’ ras. Bħalissa qed isir il-contact tracing fil-familja, bi 2 minnhom diġà ttestjaw pożittiv.