Lokali

Għandha tinġarr ir-responsabbiltà għall-ikbar każ ta’ ksur ta’ protezzjoni tad-data f’pajjiżna – PN

L-aħbar li informazzjoni personali ta’ aktar minn 330,000 persuna ġiet imperrċa fuq l-internet hija waħda li turi kemm id-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali qed jinkissru minħabba l-interessi ta’ uħud fis-soċjetà tagħna.

Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar id-Drittijiet Indaqs, il-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet taċ-Ċittadin Claudette Buttigieg, il-PN saħaq li f’dak li huwa l-ikbar każ ta’ ksur ta’ protezzjoni tad-data f’pajjiżna, dawk involuti fil-każ qegħdin jagħżlu li jibqgħu jiċħdu s-sewwa magħruf u ċjoè li data personali spiċċat għand kumpanija privata b’konnessjonijiet mill-qrib mas-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi, li wieħed irid ifakkar kien il-President tal-Partit Laburista mill-2008 sal-2013. Fid-dawl ta’ dan kollu, l-Partit Nazzjonalista jqis li l-pożizzjoni tas-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi m’għadhiex aktar tenibbli u għandu jwarrab mill-kariga tiegħu.

Il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data kif ukoll il-Pulizija jinvestigaw dan il-każ bl-iktar mod eżawrijenti u fl-iqsar żmien possibbli biex il-poplu Malti u Għawdxi jkun jaf il-verità kollha dwar dan il-każ u ssir ġustizzja miegħu.