Coronavirus Lokali Saħħa

Il-Gvern se jibqa’ għaddej bil-pjan tal-isptar prefabricated

Ġie deċiż li l-proċess għall-bini tal-isptar prefabricated se jkompli xorta wara li l-investigazzjoni dwar l-applikazzjonijiet jidher illi ma sabet l-ebda evidenza ta’ prattiċi ħżiena. Din l-investigazzjoni saret minn Bord li ħoloq il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne wara allegazzjonijiet li kienu saru fil-Parlament.

Il-proċedura kienet twaqqfet il-ġimgħa li għaddiet meta d-Deputat Jason Azzopardi ddikjara li ġimgħatejn qabel ħarġet is-sejħa pubblika, kumpanija bl-isem ta’ TEC Ltd kienet ikkuntattjat lil ditta Ġermaniża, Roder, għal kwotazzjoni biex tibni l-isptar.

Is-sejħa internazzjonali biex jinbena l-isptar ġiet ippubblikata fit-23 ta’ Marzu u għalqet tlett ijiem wara. TEC Ltd hija kumpanija viċin il-Partit Laburista tant li ħadet ħsieb it-tined użati fil-kampanja għat-tmexxija ta’ Robert Abela.

Il-Gvern kien infurmat li l-kumpanija Roder ċaħdet dan kollu, tant li ma għamlet l-ebda offerta għall-proġett biex jinbena l-isptar viċin Mater Dei.

Il-Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne, li kien tilef it-tellieqa kontra Abela, kien ordna lill-Bord li jiddeċiedi min se jibni dan l-isptar biex jissospendi l-ħidma, sakemm issir investigazzjoni dwar dawn l-allegazzjonijiet.

Net News hu infurmat li fl-aħħar jiem waqt laqgħa tal-Kabinett kien hemm argument jaħraq bejn Abela u Fearne rigward dan l-isptar fejn il-Ministru tas-Saħħa saħansittra telaq ‘il barra mill-laqgħa.

Kien biss wara li kkalmaw is-sitwazzjoni numru ta’ Ministri u Segretarji Parlamentari li Fearne daħal lura għal-laqgħa.

Sorsi li tkellmu ma’ dan is-sit qalulna li appena daħal lura Fearne, hu iddikjara mal-Prim Ministru li hu m’għandux x’jaqsam ma’ din it-taħwida fit-tender tal-isptar prefabricated …pero, skont sorsi li tkellmu ma’ Net News, id-Deputat Prim Ministru allega li membru ieħor tal-Kabinett kellu x’jaqsam.

Madanakollu, Fearne ried li jgħid lil Abela min hu dan il-persuna b’mod personali u mhux waqt il-laqgħa innifisha.

Kelliema għall-Ministeru tas-Saħħa qalu li ma nstabet ebda influwenza politika dwar il-proġett tal-isptar prefabricated, u b’hekk il-proċess se jkompli kif pjanat.

Fi tliet ijiem daħlu 21 offerta biex jinbena dan l-isptar prefabricated b’14 minnhom biss ikunu validi. L-offerti jvarjaw minn €4 miljun sa €29 miljun.

Dan l-istar se jdum jinbena tmien ġimgħat u fih se jkollu 60 sodda għall-kura intensiva. Dan hekk kif l-awtoritajiet qed jippjanaw li l-pandemija tal-Coronavirus se tieħu r-riżorsi kollha tal-kura tas-saħħa f’pajjiżna.

Dawn is-swali bis-sodod fil-kontejners se jkollhom jinbnew minħabba li l-Gvern ma jistax jutilizza l-isptar San Luqa.