Coronavirus Saħħa

809 vittma fi Spanja u 681 fl-Italja; obligu għat-Taljani li jintlibsu l-maskri tal-wiċċ

Aktar pajjiżi jissuġerixxu l-ilbies ta' maskri tal-wiċċ

Konfermat illi fl-aħħar 24 siegħa fl-Italja, in-numru ta’ vittmi bil-Covid-19 żdiedu b’681. Dan ifisser li għal ġurnata oħra qed naraw tnaqqis f’dan in-numru ta’ fatalitajiet fil-pajjiż ġar tagħna.

Għall-ewwel darba, fl-Italja naqsu l-persuni li jinsabu f’kura intensiva.

L-awtoritajiet Taljani – l-istess bħal dak li diġa’ seħħ fir-Repubblika Ċeka – qed jinsistu li minn għada kulħadd irid jilbes il-maskra protettiva.

Matul il-jum sar magħruf ukoll li mit-Tnejn se tibda tintuża l-Fiera ta’ Milan; post li ġie konvertit fi sptar temporanju.

Il-Gvern ta’ Spanja illum ħabbar li se jestendi l-lockdown sal-25 t’April. Dan qed jagħmlu “biex jiġu salvati l-ħajjiet”. Anke Franza qed taħseb biex testendi l-lockdown li ilu fis-seħħ mis-17 ta’ Marzu.

F’ġurnata waħda, il-vittmi fi Spanja żdiedu bi 809. Jidher li anke Spanja se tibda tirrakomanda lin-nies biex jużaw il-maskri preventivi. Miżuri simili ittieħdu mill-Awstrija u t-Turkija kif ukoll il-Ġimgħa mill-Istati Uniti.

Pajjiżi bħall-Belġju u l-Olanda ukoll qed jesperjenzaw rati għolja ta’ fatalitajiet.

Fir-Renju Unit, dawk mejta żdiedu b’aktar minn 700…fost dawn, l-iżgħar vittma fil-pajjiż li kellha 5 snin.

Il-fatalitajiet madwar id-dinja issa qabżu s-60,000 persuna.