Internazzjonali

RENJU UNIT: Keir Starmer il-Mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista

Ritratt: Getty Images
Huwa kien elett f'votazzjoni fost il-membri tesserati fil-Partit Laburista bejn 3 kandidati

“Wasal iż-żmien għall-bidla vera!” Kien dan l-islogan li rebbaħ lil Sir Keir Starmer it-tellieqa għat-tmexxija tal-Partit Laburista fir-Renju Unit, tellieqa li damet għaddejja 3 xhur fi ħdan l-istess partit.

Starmer kien elett f’votazzjoni li saret aktar kmieni din il-ġimgħa fost il-membri tal-Partit Laburista u dawk eleġibbli li jivvutaw. Il-kandidati l-oħra għat-tmexxija kienu Lisa Nandy u Rebecca Long Bailey.

Fi stqarrija wara li tħabbar ir-riżultat, Sir Keir Starmer qal li kien l-unur u l-privileġġ ta’ ħajtu li jkun elett mexxej ġdid tal-Labour, f’mument straordinarju li fih se jaħdem fl-interess nazzjonali aktar minn qatt qabel fid-dawl tal-impatt tal-COVID-19.

Starmer sellem lill-predeċessur tiegħu, Jeremy Corbyn, li kienu ilu fil-kariga mill-2015. Corbyn kien ħabbar li se jirreżenja wara d-disfatta kbira tal-Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali tal-BREXIT lura f’Diċembru li għadda.