Coronavirus Internazzjonali Lokali Saħħa Transport

Sa fl-aħħar, se jitħallew jinżlu Malta

Il-Gvern jaċċetta li jniżżel liż-żewġ anzjani minn fuq is-CMV Colombus wara jiem sħaħ ta' talba miċħuda

Iż-żewġ anzjani Maltin ta’ 70 sena, li ilhom jivvjaġġaw abbord il-bastiment CMV Colombus mill-25 ta’ Frar li għadda, sa fl-aħħar, se jitħallew jinżlu Malta.

Joseph Mercieca, flimkien mas-sieħba tiegħu, Marthese Bonello, ilhom mill-14 ta’ Marzu maqbuda abbord l-imsemmi cruiseliner, fi triqtu lejn l-Ingilterra wara jiem twal ta vjaġġar fuq il-baħar. Huma telqu minn Sydney, minn fejn kienu bdew il-cruise tagħhom.

Iż-żewġ Maltin se jitħallew jinżlu f’pajjiżna mingħajr ma l-cruiseliner jidħol fil-portijiet Maltin. Dan se jsir permezz ta’ lanċa li se toħroġ għall-anzjani meta l-bastiment ikun qed jieħu l-fuel, 20 mil ‘il barra minn pajjiżna.

Il-ħaddiema u l-baħħara involuti se jkunu lebsin l-ilbies protettiv kollu meħtieġ bħala prekawzjoni.

Iż-żewġ anzjani, li jbatu minn kundizzjonijiet mediċi kroniċi, u għalhekk huma vulnerabbli, se jinżammu fi kwarantina obbligatorja malli jaslu f’Malta.

Joseph Mercieca u Marthese Bonello kienu ilhom ġranet sħaħ li għamlu talba biex jitniżżlu Malta. Iżda għall-bidu, it-talba tagħhom kienet ġiet rifjutata.

Bħalissa, il-bastiment jinsab qrib il-Greċja. Abbord hemm mad-900 persuna, u ħadd minnhom mhu pożittiv bil-Covid-19.

Eventwalment, il-crusieliner mistenni jasal fil-port ta’ Tilbury, il-bokka tax-xmara Thames fl-Ingilterra, fl-14 t’April.