Coronavirus Lokali

Solidarjetà mal-ħaddiema tal-Air Malta li twaqqfu mix-xogħol – SĦPN

L-Air Malta se twaqqaf numru ta’ impjegati part-time u bil-kuntratt u mhux se terġa’ ġġeddilhom l-impieg minħabba s-sitwazzjoni preżenti. Is-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN) tħoss li l-Air Malta kienet tkun iktar kredibbli fis-sitwazzjoni kieku waqfet lil min daħal fl-aħħar xhur sabiex suppost jagħmel xogħol li kien diġa’ jsir minn min ilu impjegat fil-kumpanija għal għexieren ta’ snin u li għalih qed jitħallas madwar €90,000 fis-sena, u li mill-informazzjoni li għandna ma jagħmilx iktar minn 15-il siegħa fil-ġimgħa. Liema ħin iqattgħu jipprepara l-programm li jixxandar fuq l-istazzjon televiżiv tal-Partit Laburista bil-kontenut ikun mimli odju u tixrid ta’ mibegħda kontra l-Partit Nazzjonalista.

Imma lil dan l-Air Malta ddeċidiet li żżommlu l-impieg. Ma mxietx bil-prinċipju tal-last in first out. Ħafna minn dawn li ġew imwaqqfa kienu jitħallsu skont kemm jaħdmu. Jekk ma jaħdmux ma jitħallsux. Issa dawn qed jibżgħu li meta l-affarijiet jerġgħu lura għan-normal il-kumpanija ma terġax timpjegahom lura irrispettivament mill-esperjenza u t-taħriġ li rċevew.

L-SĦPN issaqsi biss jekk it-termini u l-kundizzjonijet li użat il-kumpanija ma’ dawn il-ħaddiema intużawx ukoll ma’ min għandu salarju eżorbitanti u minfuh. Jidher li fl-Air Malta hemm min huwa aġevolat iktar minn ħaddieħor.