Coronavirus Għawdex

Stqarrija oħra iebsa min-negozji Għawdxin

Il-Gvern akkużat li qed ikaxkar saqajh

Hekk kif il-pandemija tal-Covid-19 ħolqot problemi enormi għan-negozji Għawdxin b’mod partikolari għas-settur turistiku, il-Kamra tal-Kummerċ f’Għawdex (GBC) u l-Assċojazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu (GTA) qed ikomplu jilmentaw dwar in-nuqqas ta’ għajnuna li qed jirċievu min-naħa tal-Gvern.

Fi stqarrija oħra iebsa li ħarġet illejla mill-GBC u l-GTA, il-Gvern ta’ Robert Abela ġie akkużat li qed ikaxkar saqajh fir-reazzjoni tiegħu għall-kriżi li spiċċaw fiha l-imprendituri u l-ħaddiema Għawdxin.

“Il-Gvern irid jirrikonoxxi li din hi kriżi, fejn qed nitkellmu fuq negozji li jistgħu jagħlqu għal dejjem. Dan ifisser li ma nistgħux inkaxkru saqajna jew nintilfu fil-burokrazija”.

Fl-istqarrija tagħhom in-negozji Għawdxin jinsistu fuq moratorju għall-ħlas tad-djun, u li jingħataw loans b’interessi zero.

Il-GBC u l-GTA qed jinsistu li l-ħaddiema Għawdxin qed jistennew jispons aktar b’saħħtu u dirett, b’inċentivi fiskali tajbin biex l-impjegati jinżammu fix-xogħol tagħhom.