Coronavirus Lokali

“Tebgħa sewda fuq il-kuxjenza nazzjonali”

Is-solidarjetà u l-għaqda spikkaw fil-mument tal-prova. Dawn dejjem sħaqt fuqhom matul l-aħħar 12-il xahar u se nibqa’ ninsisti fuqhom tul din il-Presidenza!

Bla dubju ta’ xejn, naħseb li fost l-iktar mumenti diffiċli li għaddejt minnhom kien fil-perjodu ta’ Diċembru, meta nqalgħet kwistjoni politika bla preċedent u kelli naġixxi b’kawtela u skont kif tippermetti l-Kostituzzjoni.

Kliem il-President ta’ Malta George Vella fejn għall-ewwel darba, jitkellem dwar il-mumenti ta’ sfidi kbar li għadda minnhom fl-eqqel tal-kriżi politika, li ġabet taqliba sħiħa fil-Gvern Laburista – kriżi li bqagħet tkaxkar sa Jannar.

Matul dak iż-żmien żammejt is-silenzju sabiex inħalli l-ġustizzja tieħu triqitha fl-investigazzjonijiet li kienu qed isiru dwar il-qtil tas-Sinjura Daphne Caruana Galizia.  delitt li tefa’ tebgħa sewda fuq il-kuxjenza nazzjonali u nistenna li fi żmien raġonevoli ssir ġustizzja u ħaqq ma’ kull min kien involut f’dan l-att atroċi.

L-ewwel sena tal-President Vella kienet sena ta’ sfidi kbar. Kif fisser hu stess f’messaġġ irrekordjat li xxandar matul il-jum – fil-ġurnata tal-ewwel anniversarju mill-bidu ta’ din il-Presidenza.

George Vella jispjega kif b’aktar konsultazzjoni pubblika, trid titwitta t-triq għall-Konvenzjoni Kostituzzjonali li hija intiża biex tixpruna l-ideat li għandhom iwasslu għal abbozzi li permezz tagħhom isiru emendi meħtieġa fil-Kostituzzjoni mill-Parlament.

Fi kliem il-President, anke dawn il-granet li ninsabu fihom huma ta’ sfida enormi minħabba l-Covid-19.

“Iirrid ngħidilkom li f’dawn iż-żminijiet diffiċli, aħna ningħaqdu magħkom, għaliex bħalkom qed noqogħu d-dar u qed insegwu l-ordnijiet li qed jagħtuna l-awtoritajiet tas-saħħa għall-ġid tagħna u ta’ pajjiżna.

Il-President saħaq illi ladarba titbiegħed din il-marda, nagħtu spinta ħalli l-affarijiet jiġu lura għan-normal kemm jista’ jkun malajr. U semma’ b’mod partikolari ż-żjara tal-Papa…li issa għandha ssir f’data oħra.