Coronavirus Lokali

14-il każ ġdid ta’ Coronavirus f’Malta

Appelli kontinwi biex il-pubbliku jibqa’ ġewwa

“Stay in, stay safe – minkejja li llum il-Ħadd u barra hemm ix-xemx, importanti li kulħadd jibqa’ ġewwa għajr biex noħorġu għal affarijiet essenzjali”.

Kien dan l-appell li tenniet is-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika Professur Charmaine Gauci wara li fil-konferenza stampa tal-lum ħabbret li minn 656 swab ħarġu 14-il każ ġdid li ġie ttestjat pożittiv f’pajjiżna fl-aħħar 24 siegħa. Għaldaqstant fl-aħħar jumejn kellna 25 każ ġdid, lkoll trażmessi lokalment, sabiex it-total f’Malta issa laħaq il-227.

Profs. Charmaine Gauci spjegat li mill-14 imħabbra llum, li fortunatament kollha jinsabu f’kundizzjoni ta’ saħħa tajba, 11 minnhom kienu rġiel u tlieta minnhom nisa – fosthom mara’ ta 86 sena.

Hija saħqet li persuna waħda għandha bejn il-15 u l-20 sena, ħamsa għandhom bejn l-20 u t-30 sena, tnejn bejn it-30 u l-40 sena, tnejn oħra bejn l-40 u l-50 sena, tlieta bejn is-60 u 70 sena u kif diġà nnotat mara ta’ 86 sena ttestjat pożittiv. Meta mistoqsija minn NET NEWS, il-Professur ikkonfermat li fost dawn il-pożittivi hemm każijiet ġodda li ġejjin miċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far. Dan wara li fl-aħħar jumejn ġew ittestjati pożittivi żewġ residenti fiċ-ċentru.

Dan ifisser ukoll li tul dawn il-jumejn f’Malta ġew ittestjati pożittivi l-ixjaħ fost il-pazjenti s’issa f’Malta kif ukoll fost l-iżgħar minn madwar il-globu – it-tfajla ċkejkna ta’ sentejn.

Għaldaqstant, wara li l-firxa fl-età fost il-pazjenti pożittivi f’Malta, meta mistoqsija minn NET NEWS dwar jekk dawk il-persuni li jgħixu ma’ persuni vulnerabbli għadux għaqli li jibqgħu jmorru għax-xogħol ġaladarba ma jistgħux jagħmlu mod iehor, Profs. Gauci saħqet li ttieħdu miżuri minn min iħaddem sabiex jgħinu lill-impjegati filwaqt li appellat sabiex il-vulnerabbli ma joħorġux minn djarhom.

Dan ifisser li l-għajnuna li dawn l-impjegati għandhom bħalissa ġej biss minn min iħaddimhom, l-għaliex bħal ma ntqal għal darba darbtejn mill-membri tal-kabinett tal-Prim Ministru Robert Abela, “l-ideali hu li jsibu residenza oħra”.

Professur Charmaine Gauci appellat sabiex dawk il-persuni li jħossu sintomi, ankè jekk huma ħfief, jagħmlu kuntatt immedjat mal-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Hi spjegat li fl-ITU s’issa baqgħu tlett persuni li għadhom jingħataw il-kura, fosthom l-anzjan li s’issa sfortunatament għadu f’qagħda kritika. Dan filwaqt li erbgħa oħra jinsabu f’sezzjonijiet oħrajn fl-Isptar Mater Dei, 20 fl-Isptar St Thomas, tmienja fl-Isptar Boffa u wieħed fl-Isptar Monte Carmeli.

Is-Suprintendent għas-Saħħa Pubblika saħqet li bil-każijiet dejjem qed jiżdiedu eventwalment pajjiżna ser jilħaq peak – eventwalità li l-awtoritajiet dejjem qed isegwu.

Finalment il-Professur Gauci appellat mill-ġdid biex, safejn hu possibbli, wieħed jibqa’ d-dar. Dan filwaqt li fakkret li l-persuni meqjusa bħala vulnerabbli, f’dawn il-jiem qed jirċievu ittra bil-proċedura li għandhom isegwu.