Futbol Sport

15-IL SENA ILU: L-ewwel logħba bejn Liverpool u Juventus mit-traġedja ta’ Heysel

(Ritratt: David Rawcliffe)

5 TA’ APRIL 2005

It-traġedja ta’ Heysel Stadium fil-finali tat-Tazza taċ-Champions tad-29 ta’ Mejju tal-1985, ikkundizzjonat kull konfront bejn Juventus u Liverpool fil-futur. Il-konfront ta’ 15-il sena kien l-ewwel wieħed minn dik it-traġedja li ħalliet 39 partitarju ta’ Juventus mejta. Minbarra s-sentiment emozzjonali, il-logħba f’Anfield kienet importanti wkoll minħabba li kienet l-ewwel mill-fażi tal-kwarti tal-finali tal-UEFA Champions League, edizzjoni li kienet mirbuħa mill-istess Liverpool. Qabel il-partita ta’ 15-il sena ilu, il-partitarji ta’ Liverpool f’The Kop żammew placards fl-għoli biex jiffurmaw il-messaġġ ta’ ħbiberija bit-Taljan miktub “AMICIZIA.” Diversi partitarji ta’ Juventus ċapċpu għal dan il-ġest għalkemm partitarji oħra għażlu li ma jilqgħux dan il-ġest.

Liverpool kellhom bidu mill-aqwa meta kisbu l-gowl tal-vantaġġ wara 10 minuti b’korner mil-lemin jispiċċa fid-direzzjoni tad-difensur Sami Hyypia li bi preċiżjoni għeleb lil Gianluigi Buffon b’xutt mill-ewwel. Ma’ dan il-gowl spikkat ir-reazzjoni tal-manager ta’ dak iż-żmien Rafa Benitez li probabbilment kien l-unika persuna preżenti f’Anfield bħala partitarju ta’ Liverpool, li ma feraħx mal-gowl.

It-tim Ingliż irdoppja l-vantaġġ fil-25 minuta b’passaġġ ta’ Anthony Le Tallec lejn Luis Garcia li ħalla l-ballun jaħbat u b’xutt mill-isbaħ minn barra l-kaxxa qabbeż il-ballun fuq Buffon. Juventus kienu naqqsu d-distakk fit-63 minuta bi kross mix-xellug ta’ Gianluca Zambrotta jsib lid-difensur Fabio Cannavaro li skorja b’daqqa ta’ ras wara żball tal-gowlkiper żagħżugħ Scott Carson.