5 TA’ APRIL 1987
Wara żewġ kampjonati konsekuttivi u unuri oħra, il-logħba tal-5 ta’ April kontra Hibernians qabel il-kampjonat, setgħet kienet logħba deċiżiva għal aktar unuri għal Rabat Ajax. Iżda minflok kienet logħba formalità hekk kif diġà kien deċiż li r-Rabtin kienu ser ikunu relegati, sena biss wara li kienu fit-tron tal-futbol lokali. Id-destin tagħhom kien ġie deċiż wara r-rebħa ta’ Floriana ġurnata qabel u l-atmosfera Rabtija fl-Enclosure li kienet indrat fis-snin ta’ qabel, kienet ineżistenti. Il-formazzjoni għall-aħħar logħba kienet dik tipika, b’Emanuel Cortis ikun biss l-uniku assenti. Irritorna Carmel Busuttil wara li kien tilef iż-żewġ logħbiet ta’ qabel.
Minkejja dan, Rabat sellmu l-ogħla diviżjoni b’rebħa kbira ta’ 4-0 fuq Hibernians. Huma fetħu l-iskor wara kwarta meta Carmel Busuttil dar tajjeb fuq il-lemin ma’ żewġ avversarji, ġibed minn postu lil John Bonello u daħal tajjeb KEVIN ASCIAK li fetaħ l-iskor. Hibernians fallew penalty fil-35 minuta wara li Charles Scerri kien miġbud minn Ronald Scerri fil-kaxxa. Iżda l-penalty mogħti minn Kevin Muscat ġie salvat minn Pierre Calleja, bl-istess Muscat jixħet barra mir-rebound. Erba’ minuti wara, l-iskor sar 2-0 b’Scerri jgħaddi bit-takkuna lejn CARMEL BUSUTTIL li daħal tajjeb biex għeleb lil Bonello b’xutt fil-baxx. Il-vantaġġ kompla jikber fis-70 minuta b’Asciak jiżmarka lil MARK MILLER li dar ma’ Bonello u xeħet f’xibka vojta. L-istess MARK MILLER skorja r-raba’ gowl fis-86 minuta meta rċieva passaġġ fit-tul mingħand Busuttil u b’konklużjoni fil-baxx għeleb lil Bonello.
Klassifika finali wara 14-il logħba: Ħamrun Spartans 25 punt, Żurrieq 16-il punt, Valletta 16-il punt, Sliema Wanderers 14-il punt, Hibernians 13-il punt, Floriana 13-il punt, Rabat Ajax 12-il punt, Tarxien Rainbows 3 punti
*Għal kull rebħa kienu jingħataw żewġ punti
//= $special ?>