Coronavirus Futbol Sport

Ceferin bi ħjiel li ċ-Champions League u l-Europa League jistgħu jintlagħbu bil-bibien magħluqa

(Ritratt: EPA)

Il-President tal-UEFA Aleksander Ceferin qal li ċ-Champions League u l-Europa League jistgħu jispiċċaw jintlagħbu bil-bibien magħluqa. F’intervista mal-istazzjon ZDF fil-Ġermanja, Ceferin qal li jekk il-miżuri li jwaqqfu l-moviment ikomplu, mhux kontra li l-logħbiet jintlagħbu bil-bibien magħluqa. Ceferin ta ħjiel li x-xhur ta’ Lulju u Awwissu tkun mira realistika. Ftit wara, il-UEFA ħarġet stqarrija biex tgħid li m’hemmx ħsibijiet biex jagħlqu l-istaġun sat-3 ta’ Awwissu u ppreċiżat li xi aġenziji kkwotawh ħażin waqt l-intervista. Il-kompetizzjonijiet tal-klabbs tal-UEFA huma posposti b’mod indefinit.

“Qed nistennew żviluppi għal din is-sitwazzjoni terribbli fid-dinja u speċjalment fl-Ewropa. Il-futbol mhux l-istess mingħajr il-partitarji imma definittivament hu aħjar li nilagħbu bin-nies milli mingħajr in-nies. Imma hu xorta aħjar li tilgħab bil-bibien magħluqa u jkun hemm il-logħba fuq it-televiżjoni, xi ħaġa li n-nies iridu għaliex iġġib enerġija pożittiva fi djarhom. Dak hu li jridu n-nies u ġġib enerġija pożittiva u se jkunu f’Lulju jew Awwissu. Ma nistgħux nilagħbu f’Settembru jew Ottubru,” qal Ceferin. Mistoqsi dwar jekk l-istaġun jistax ikun abbandunat totalment, il-President tal-UEFA qal li jekk l-awtoritajiet ma jħalluhomx jilagħbu, ifisser li ma jistgħux jilagħbu.