Internazzjonali

Spanja tittama li laħqet l-agħar tal-pandemija; il-Ġermanja tirrapporta tnaqqis fir-rata tal-infezzjonijiet

In-numru ta’ persuni li mietu mill-coronavirus fi Spanja f’ġurnata waħda naqas għat-tielet jum konsekuttiv, b’674 vittmi ġodda jtellgħu it-total f’dan il-pajjiż għal 12,418. Spanja, intant, għandha 130,759 każi kkonfermati ta’ infezzjoni.

Filwaqt li l-ammont tal-każi ġodda fi Spanja, fi tmiem il-ġimgħa, qabżu r-rata tal-infezzjoni fl-Italja, hemm ukoll it-tama li dan il-pajjiż dalwaqt jgħaddi mill-eqqel tal-pandemija.

Fil-fatt, iċ-ċifra tal-imwiet mill-coronavirus fi Spanja kienet l-aktar waħda baxxa fil-pajjiż għal għaxart ijiem u l-ewwel darba, mis-26 ta’ Marzu, li mietu anqas minn 700 f’perjodu ta’ jum.

Madankollu, il-ġlieda kontra l-Covid-19 fi Spanja tibqa’ waħda intensiva.

Dan meta l-Prim Ministru Spanjol, Pedro Sanchez, estenda l-lockdown fil-pajjiż għal tliet ġimgħat oħra – sas-26 ta’ April – fost il-messaġġ speċifiku li ‘dawn ir-restrizzjonijiet qegħdin isalvaw il-ħajja’.

Sanchez, fl-istess ħinm wissa lill-pajjiżi l-oħra tal-Ewropa dwar il-ħtieġa li jkomplu bil-viġilanza – u miżuri ta’ prekawzjoni.

‘Illum ma rridux ninsistu bid-drawwiet antiki għaliex qed niffaċċjaw era ta’ inċertezza li teħtieġ azzjoni pro-attiva u f’waqtha… Ejja nżommu l-valuri pożittivi waqt li nivvintaw valuri oħrajn li jsostnu lis-soċjetajiet tagħna,’ ikkonkluda Sanchez, filwaqt li wissa li ‘fin-nofs hemm il-futur tal-Ewropa.’

Sadanittant, l-infezzjonijiet ikkonfermati bil-coronavirus fil-Ġermanja telgħu b’5,936 – fuq perjodu ta’ 24 siegħa – għal 91,714.

Dan kien it-tielet jum konsekuttiv li l-pajjiż irreġistra tnaqqis fil-każi ġodda għal ġurnata partikulari, dejjem skont id-data provduta mill-Istitut Robert Koch, tal-Gvern.

Iċ-ċifri tal-Ħadd fil-Ġermanja rreġistraw tnaqqis ta’ 146 fil-każi tal-Covid-19 u meta fil-ġurnata preċedenti (is-Sibt) kienu reġistrati 6,082 infezzjonijiet ġodda – ’l isfel mis-6,174 infezzjonijiet irreġistrati nhar il-Ġimgħa.

Iċ-ċifra tal-imwiet mill-Covid-19 fil-Ġermanja żdiedet b’184 għal 1,342.