Internazzjonali

Covid-19: L-aħħar żviluppi fil-pandemija

■ Il-każi tal-Covid-19 madwar id-dinja, fl-aħħar sigħat, qabżu l-1.1 miljuni…Dan meta mietu talanqas 60,000 persuna, b’250,000 jirkupraw mill-effetti tal-virus fuq rata globali.

■ Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, wissa lill-Amerikani biex jippreparaw għall-‘agħar ġimgħa’ f’din l-era tal-coronavirus u qal li ‘wieħed, sfortunatament, għandu jistenna numru sinifikanti ta’ imwiet’. Dan waqt li l-Istat ta’ New York irreġistra 630 mewta mill-infezzjoni, li hu rekord għal ġurnata waħda.

■ Il-Gvern fir-Renju Unit qed iwissi li jieħu l-miżuri ġodda li jillimitaw il-perjodi tal-eżerċizzji għall-Britanniċi, f’każ li n-nies ma jirrispettawx ir-regoli u l-prekawzjonijiet – inkluż social distancing – għal kontra l-firxa tal-virus. Intant, ir-Reġina Eliżabetta, għamlet diskors rari biex tirringrazzja lill-istaff tan-National Health Service (NHS) u ħaddiema oħra li qed jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ għal ħaddieħor fl-eqqel tal-kriżi.

■ Il-Pulizija fl-Awstralja bdiet investigazzjoni kriminali dwar kif il-passiġġieri fuq bastiment tal-cruises tħallew jiżbarkaw f’Sydney, minkejja li wħud żvelaw sintomi simili għall-influwenza. Maż-żmien, ’il fuq minn 600 fuq il-bastiment ‘Ruby Princess’ ittestjaw pożittiv għall-virus, b’għaxra jitilfu ħajjithom. In-nies li mardu fuq il-bastiment jammontaw għal kważi wieħed minn kull għaxra tal-infezzjonijiet kollha (5,548) irrappurtati s’issa fil-pajjiż. Il-bastiment, li għadu ankrat ‘il hinn mill-kosta, għandu mal-200 membri morda fost l-ekwipaġġ abbord u l-pulizija fi New South Wales, issa, qed jinvestigaw jekk inkisrux il-liġijiet nazzjonali għall-biosigurtà.

■ L-awtoritajiet fil-Greċja imponew erbatax-il jum kwarantina għal tieni kamp għall-immigranti – il-faċilità ta’ Malakasa antika, lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Ateni – wara li raġel ta’ 53 sena testja pożittiv għall-coronavirus. L-ewwel każ ta’ infezzjoni bil-Covid-19 ġo kamp għall-immigranti kien ikkonfermat xi jiem qabel. Intant sitt persuni oħra wkoll itttestjaw pożittiv fuq il-gżira ta’ Lesbos fejn xi 18,000 immigrant qed jgħixu fil-kamp ta’ Moria.