Lokali Mużika

Eliana Gomez Blanco b’kanzunetta ġdida

Eliana Gomez Blanco, it-tfajla li fl-2019 irrappreżentat lil Malta fil-Junior Eurovision Song Contest, ppublikat kanzunetta ġdida.

Bl-isem ta’ Storms run out of rain, Eliana spjegat li din is-single hija dwar dak kollu li qed iseħħ madwar id-dinja bħalissa. Hija sostniet li permezz ta’ din il-kanzunetta xtaqet twassal ferħ lil dawk kollha li preżentament għaddejjin minn żminijiet diffiċli. Iż-żagħżugħa saħqet li tinsab konvinta li dan iż-żmien ser jgħaddi minn fuqna ġaladarba nżommu lilna nfusna siguri u noqgħodu d-dar.

Eliana kompliet tgħid li ilha ġimgħat sħaħ taħdem sabiex tikkomponi din il-kanzunetta li fiha fetħet qalbha kollha tagħmel dak li dejjem ħabbett. Hija saħqet li wara l-JESC għamlet ħilitha kollha biex tikteb il-mużika tagħha stess.

It-tfajla rringrazzjat lil Etienne Micallef tal-kitba tal-lirika, kif ukoll lil Cyprian għall-għajnuna tal-kompożizzjoni u lil Danica Muscat bħala vocal coach.