Coronavirus Lokali

Flimkien nużaw ir-riżorsi kollha tagħna biex nirbħu

“Issa li f’pajjiżna ġiet iddikjarata emerġenza tas-saħħa, iktar minn qatt qabel irridu nsegwu d-direttivi li jgħaddulna l-Awtoritajiet tas-Saħħa sabiex inrażżnu l-imxija tal-COVID-19 f’pajjiżna u kemm jista’ jkun nikkontrollawha. Irridu niġġieldu din il-ġlieda flmkien bħala poplu wieħed u Flimkien nużaw ir-riżorsi kollha tagħna biex nirbħu f’din l-emerġenza u negħlbu l-isfidi t’issa u tal-ġejjieni.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia f’messaġġ lin-nazzjon.

Dr Delia qal li l-Oppożizzjoni kienet qed issaqsi għalfejn il-Gvern ma sejjaħx is-sitwazzjoni bħala emerġenza nazzjonali tas-Saħħa, speċjalment meta d-WHO ddikjarat emerġenza globali tas-saħħa fit-30 ta’ Jannar li għadda. Il-Gvern ħa dan il-pass ilbierah u jfisser li is-Sovraintendent tas-Saħħa issa għandha iżjed poteri biex tieħu l-passi kollha li hemm bżonn fil-ġlieda kontra l-imxija tal-virus. Huwa qal li f’dawn iż-żminijiet partikolari rridu nikkunsidraw iż-żidiet fin-numru tal-każijiet reletati mas-saħħa mentali.

Dan meta n-nies qed joqogħdu fi djarhom jobdu d-direttivi tal-Awtoritajiet tas-Saħħa qed jiżdiedu wkoll il-każijiet ta’ ansjetà u dipressjoni, għalhekk jeħtieġ li naħsbu f’xulxin u nikkomunikaw mal-familjari u l-ħbieb tagħna, nieħdu ħsieb xulxin u niġġieldu flimkien il-biża’.

Adrian Delia qal li rridu nindirizzaw b’iżjed determinazzjoni d-diffikultajiet u t-tħassib tan-negozji li mhux qed jingħataw il-komfort li għandhom bżonn mill-Gvern, li iżjed jitkellem fuq iċ-ċifri tal-budget u tas-surplus u mhux dwar iċ-ċirkostanzi tan-negozji, ta’ min iħaddem, tal-ħaddiema u tal-individwi. Il-Gvern qed ikun galantom ma’ kumpaniji barranin li m’huma qed jagħtuna xejn u qed ikun xħiħ u ma jgħinx lil 110,000 ħaddiem li qegħdin f’riskju li jitilfu l-impjieg.

Huwa qal li kieku l-Gvern waqqaf il-kuntratt ma’ Steward, it-€80 miljun li tajnihom din is-sena kienu jmorru biex kull ħaddiem f’Malta u Għawdex kien jieħu €800 f’għajnuna f’dan iż-żmien diffiċli, fejn irridu nisimgħu iktar lin-negozji tagħna sabiex inneħħulhom l-inċertezza. Meta tgħaddi din il-maltempata rridu nkunu ppreparati wkoll għar-realtà ta’ dinja ġdida u flimkien noħolqu tessut ġdid tas-soċjetà tagħna.

Inħarsu lejn dak kollu li pajjiżna jeħtieġ illum aktar minn qatt qabel
Il-Kap tal-PN qal li għalhekk ilbieraħ ħabbar ir-responsabbilitajiet ġodda tal-Grupp Parlamentari biex nagħmlu d-differenza vera u effettiva u nagħtu l-parti tagħna għal soċjetà aħjar filwaqt li elenka uħud mill-isfidi ġodda li l-Grupp Parlamentari se jkun qed jindirizza. Adrian Delia qal li se tingħata prijorità lill-emerġenza tal-klima sabiex wara li negħlbu l-emerġenza tal-imxija tal-COVID-19, nindirizzaw din l-isfida wkoll li se tkun qed thedded is-setturi kollha tas-soċjetà tagħna jekk ninjorawha u ma nieħdux id-deċiżjonijiet bżonnjużi.

Huwa qal li qabel it-tixrid tal-virus, ix-xenarju tal-postijiet tax-xogħol kien diġà qed jevolvi u għalhekk irridu naraw x’se tkun it-trasformazzjoni fid-dinja diġitali u moderna tax-xogħol u noħorġu bl-inizjattivi li bihom niggarantixxu x-xogħlijiet tal-futur immedjat. Irridu nħarsu wkoll it-tisħiħ tad-demokrazija, u meta f’pajjiżna kellna qbil storiku dwar il-ħatra tal-Prim Imħallef sfortunatament qed naraw il-valuri li jagħmluna Ewropej jitherrew minn politiċi li qed jieħdu l-imxija tal-COVID-19 bħala opportunità biex jgħaddu romblu minn fuq id-drittijiet tan-nies, bħalma qed jiġri fl-Ungerija.

Flimkien se nindirizzaw l-isfidi ewlenin tal-ġejjieni biex ikollna pajjiż aħjar
Adrian Delia qal li pajjiżna fil-preżent qed jgħaddi minn sfidi kbar fit-turiżmu u minn issa rridu nħarsu ‘l quddiem biex kif jgħaddu dawn iż-żminijiet, pajjiżna jerġa’ jkun fuq quddiem fis-swieq turistiċi internazzjonali.

Il-ġlieda kontra l-faqar ta’ kull tip, meta m’hawnx biss faqar finanzjarju imma wkoll faqar tas-solitudni; Impenn sħiħ lejn Għawdex biex wara li għaddejna mill-Parlament li jkollna Kumitat Reġjonali għal Għawdex ikunu l-Għawdxin stess li jieħdu l-aħjar deċiżjonijiet għal Għawdex; Ugwaljanza b’mod sħiħ biex il-liġijiet ma jibqgħux fuq il-karta iżda niġġieldu t-taboos u meta negħlbu l-imxija tal-virus ikollna social integration mingħajr ma nħallu lil ħadd barra; Kwalità tal-ħajja bla distinsjoni f’soċjetà li jimpurtaha b’valuri sodi, ambjent nadif, u pajjiż fejn il-persuna tkun fiċ-ċentru.

Adrian Delia qal li bħala pajjiż se noħorġu iżjed magħqudin u iżjed b’saħħitna fejn nibnu soċjetà aħjar. Se nħarsu wkoll lil hinn biex wara dawn iż-żminijiet diffiċli jkollna l-pajjiż li nixtiequ għalina u għal uliedna.