Internazzjonali

FRANZA: 2 maqtula f’attakk terroristiku

Żewġ persuni tilfu ħajjithom u ħamsa oħra spiċċaw midruba wara attakk terroristiku fin-nofsinhar ta’ Franza.

Xhieda fuq il-post spjegaw li s-suspettat, Sudaniż ta’ madwar tletin sena, daħal f’ħanut tat-tabakk fir-raħal ta’ Romans-sur-Isère – qrib Grenoble – u ħebb b’sikkina għas-sidien tal-ħanut u persuni li kienu fuq il-post.

Huwa attakka aktar persuni f’żewġt iħwienet oħra, fosthom wieħed tal-laħam.

Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li kif il-Pulizija waslu fuq il-post ir-raġel instab “għarkupptejh fuq il-bankina jitlob bl-Għarbi”.

Kelliema għall-Awtoritajiet Franċiżi saħqu li r-raġel ma kienx magħruf mal-Pulizija, filwaqt li l-Ministru tal-Intern Christophe Castaner sostna li dan qed jiġi mejqus bħala każ terroristiku.

Intant, il-President Franċiż Emmanuel Macron iddeskriva l-attakk bħala wieħed mimli mibgħieda ankè fid-dawl li dan seħħ waqt li l-pajjiż diġà jinsab għaddej minn ħafna.

Franza preżentament tinsab taħt lockdown kawża tal-pandemija tal-Coronavirus. Għaldaqstant il-pubbliku jista’ joħroġ biss mid-dar sabiex jixtri l-affarijiet bażiċi, kif ukoll għall-eżerċizzju.

Il-pajjiż ilu taħt allerta massima mill-2015, meta l-belt ta’ Pariġi kienet mifnija b’attakk wara l-iehor mill-Istat Iżlamiku.