Coronavirus Futbol Sport

Gareth Southgate mistenni jkollu s-salarju tiegħu mnaqqas

(Ritratt: EPA)

Il-manager tat-tim nazzjonali Ingliż Gareth Southgate qabel li jkollu tnaqqis ta’ 30% bid-deċiżjoni mistennija ssir uffiċjali mill-FA Ingliża fil-jiem li ġejjin. B’hekk Southgate ngħaqad mal-kowċ nazzjonali Ingliż tar-Rugby Eddie Jones li naqqas 25% tas-salarju tiegħu. L-impatt finanzjarju minħabba l-coronavirus għadu mhux magħruf, iżda minħabba li l-FA Ingliża ma taħdimx bħala klabb, iridu jieħdu l-miżuri ġusti biex isostnu l-impjegati.

Din l-aħbar tasal wara ġimgħa li fiha żdiedet il-pressjoni fuq il-plejers tal-Premier League biex jaqgħu ftit mis-salarju. Il-Ħamis, is-Segretarju tas-Saħħa Matt Hancock tkellem fuq dan is-suġġett u qal li l-plejers għandhom jagħmlu l-parti tagħhom. Il-Ġimgħa ltaqgħu l-20 klabb tal-Premier League u qablu li jikkonsultaw il-plejers tagħhom dwar tnaqqis sa 30% mis-salarju annwali tagħhom. Is-Sibt, il-Premier League kellu videoconference mal-klabbs, il-Professional Footballers Association (PFA) u l-League Managers Association (LMA) biex jiddiskutu l-kwistjoni tas-salarji.