Knisja Lokali

Ħadd il-Palm fi żmien ta’ sfidi kbar għad-dinja kollha

Il-Knisja Kattolika qed tagħti bidu għall-Ġimgħa Mqaddsa – li twassal għall-akbar festa meta Kristu rebaħ lill-mewt u qam mill-imwiet – biċ-ċelebrazzjoni ta’ Ħadd il-Palm.

Iżda din is-sena, il-Ġimgħa Mqaddsa qed tkun iċċelebrata b’mod differenti mis-soltu, kawża tal-pandemija tal-Coronavirus.

L-Arċisqof Charles J. Sciciluna ċċelebra Ħadd il-Palm b’Quddiesa fil-Kappella tal-Madonna ta’ Manresa, fil-Kurja. Għalkemm fi stil aktar adattat għas-sitwazzjoni preżenti, iċ-ċelebrazzjoni xorta inkludiet it-tberik tal-friegħi taż-żebbuġ u l-palm, kif ukoll il-qari tar-rakkont tal-Passjoni tal-Mulej.

“Sar bniedem u ħa l-forma ta’ skjav,” saħaq l-Arċisqof Scicluna. “Il-qaddej li jgħati ħajtu lil ħbiebu. Is-skjav li Hu u jinbiegħ jeħles lilna l-bnedmin.”

Anke fil-Vatikan, din is-sena l-Ġimgħa Mqaddsa se tkun iċċelebrata f’ambejnt ferm differenti mis-soltu … b’kemm il-Pjazza kif ukoll il-Bażilika ta’ San Pietru vojta għalkollox min-nies.

F’dan l-isfond u akkumpanjat minn ftit Qassisin qrib tiegħu, il-Kap tal-Knisja Kattolika xorta wassal messaġġ ta’ tama, ispirazzjoni u kuraġġ f’dan iż-żmien tant diffiċli.

“Alla salvana billi Hu stess patta tad-dnubiet tagħna,” qal il-Papa Franġisku. “Għamel dan mhux talli mingħajr tgergir iżda bl-umiltà, il-paċenzja u l-ubidjenza ta’ skjav għaliex tant iħobb l-umanità.”

Il-Papa spjega li l-kumplament taċ-ċelebrazzjonijiet mhux se jsiru fil-pubbliku biex tkun imħarsa saħħet il-fidili preżenti, anke fid-dawl tal-miżuri  ta’ lockdown fl-Italja ħalli jkun evitat it-tixrid tal-Coronavirus.

Sadanittant, anke ż-żoni storiċi f’Ġerusalemm bħalissa jinsabu magħluqa kompletament u allura, iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Ħadd il-Palm ma setgħux isiru bħas-soltu.

L-istess destin se jolqot il-kumplament taċ-ċelebrazzjonijiet marbuta ma’ din il-ġimgħa. Fil-fatt, mhux se jsiru l-atti tal-ħasil tas-saqajn f’Ħamis ix-Xirka, kif ukoll il-bews tas-salib u l-purċissjonijiet fil-Ġimgħa l-Kbira … bil-Knejjes kollha jibqgħu magħluqin għan-nies ħlief għat-talb personali u biċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi jixxandru fuq il-media tradizzjoni u dik soċjali.

Storikament, din is-sitwazzjoni hi unika… hekk kif anke fiż-żminijiet tal-gwerra, minkejja l-perikli, l-ġuħ u l-faqar, iċ-ċerimonji liturġiċi dejjem saru.

Fil-Kurja Arċiveskovili fil-Floriana, Mons. Charles Scicluna mexxa ċ-ċelebrazzjoni tat-tberik taż-żebbuġ kif ukoll il-quddiesa ta’ Ħadd il-Palm.