Coronavirus Knisja Lokali

Ħadd il-Palm: Ġimgħa Mqaddsa li ser tidħol fl-istorja

Ebda purċissjoni f’dan il-perjodu tar-Randan 2020 – żminijiet uniċi fl-istorja tal-bniedem

Illum jisbaħ Ħadd il-Palm biex hekk il-Knisja Kattolika tibda Ġimgħa Mqaddsa storika u unika li twassal għall-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu.

“Storika u unika” għaliex anqas fil-gwerra missirijietna m’għaddew minn dawn il-mumenti ta’ iżolament u minkejja l-perikli, il-ġuħ u l-faqar, iċ-ċerimonji liturġiċi dejjem saru bil-parteċipazzjoni kbira tal-Maltin u l-Għawdxin.

Illum – u kulħadd hu perpless quddiem dan il-fatt – il-familji Maltin u Għawdxin, bħal miljuni ta’ familji fl-Ewropa u lil hinn, qed josservaw miżuri li jħeġġuhom biex joqogħdu ġewwa u ma jitħalltux flimkien. Dan kollu għas-sempliċi raġuni li l-COVID-19 jinfirex minn persuna għall-oħra u jista’ faċilment joqtol.

Kif ġara nhar il-Ġimgħa, il-Jum tad-Duluri fejn soltu eluf kbar ta’ nies jimxu wara l-vara tad-Duluri u jattendu għall-quddies f’dan il-jum li fih wieħed hu mistieden li jirrifletti fuq it-tbatijiet tal-bniedem u l-misteri kbar ta’ Alla, hekk ukoll mil-lum sa bħal-lum ġimgħa se ngħixu jiem mhux normali.

“Aħna kellna kollox ippreparat għall-funzjonijiet ta’ barra kollha. Damask diġà armat, vari lesti biex joħorġu u jkunu esposti fil-Knisja. Imma bla mistenni dak li konna qed inħejju għalih waqaf ħesrem. Illum id-damask iswed reġa’ żżarma.”

Dan kien kliem l-istoriku Pawlu Catania li miegħu tkellimt aktar kmieni din il-ġimgħa dwar kif jaqra dawn iż-żminijiet mhux normali.

Pawlu Catania ilu s-snin direttament involut fil-Kummissjoni Ġimgħa l-Kbira fi ħdan il-Parroċċa tan-Naxxar.  “Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira trid preparamenti ta’ ħafna xhur minn qabel bl-esklużjoni tax-xhur tas-sajf.

“Aħna bħala Kummissjoni Ġimgħa l-Kbira niltaqgħu regolarment biex infasslu dak kollu li jkollna bżonn u din is-sena konna fi stadju avvanzat bħas-soltu biex kollox ikun organizzat b’reqqa u b’dinjità.

“Fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira fin-Naxxar jieħdu sehem ftit aktar minn 500 persuna, il-baned inklużi.  Is-Sagristan kien diġà rama d-damask iswed mal-ħitan u l-kolonni tal-Knisja. F’daqqa waħda l-COVID-19 beda jinfirex u l-awtoritajiet tal-Knisja, bħala prekawzjoni, ikkanċellaw iċ-ċelebrazzjonijiet kollha.

“Naturalment dawn huma mumenti ta’ dieqa kbira; mumenti xejn normali. Mumenti li jġegħluk taħseb u tirrifletti. Għaliex din li għaddejjin minnha lkoll flimkien ma hix sitwazzjoni normali. La ħadd qatt ma ħaseb li tista’ tiġri u anqas ħadd ma għexha qabel,” qalilna Pawlu Catania b’kalma u b’rassenjazzjoni kbira fuqu.

Hu kompla li: “M’hemmx għalfejn nispjega kif ikun l-ambjent fil-parroċċi fejn isiru l-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira xi jkun. Dawn huma festi maħbuba ħafna… il-purċissjoni tad-Duluri, il-purċissjoni ta’ Ħadd il-Palm, il-funzjoni ta’ Ħasil ir-Riġlejn nhar Ħamis ix-Xirka, is-Seba’ Visti, il-purċissjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa, il-Vġili tal-Għid u mbagħad il-festi tal-Qawmien mill-Imwiet. Din id-darba dawn l-esperjenzi sbieħ ikollna ngħixuhom fis-skiet ta’ djarna u forsi billi nsegwuhom permezz tat-televiżjoni.”

Hawnhekk ma’ Pawlu Catania tkellimna dwar x’soltu jinkludu l-preparamenti wara l-kwinti għal dawn l-attivitajiet liturġiċi u wkoll fuq barra tal-knejjes u qalilna li hemm ħafna xogħol moħbi li jrid ikun ikkoordinat. Mill-provi tal-kostumi sal-baned li jkunu se jitqabbdu jdoqqu. Mit-tindif u l-armar tal-knejjes għall-armar tas-Sepulkri. Xemgħa, fjuri, daqq ta’ qniepen jew id-daqq taċ-ċuqlajta.  L-armar tal-bankuni bil-vari fuqhom imfarfra u lesti.

“Il-preparamenti huma infiniti u dak li jispikka hu l-entużjażmu ta’ ħafna nies li jidħlu b’ruħhom u b’ġisimhom biex jagħtu daqqa t’id ħalli dawn il-festi sbieħ ikunu qaddisa u suċċess.

“Minn dan kollu din is-sena m’għandna xejn. Il-bibien tal-knejjes se jibqgħu magħluqa. Għal kulħadd. Ebda ċelebrazzjonijiet. Bla dubju ta’ xejn li dawn huma mumenti fejn l-istorja qiegħda tinkiteb minna li aħna ħajjin u li ma niftakru l-ebda mument simili ieħor bħal dan. U għal uliedna li għad iridu jibqgħu jiftakru s-sena 2020 bħala waħda unika fl-istorja ta’ ħajjithom,” qalilna Pawlu Catania.

Tkellimna wkoll dwar l-aspett kummerċjali ta’ dawn il-festi, iżda Pawlu Catania qalli li hu ma jidħolx f’dak il-mertu. “Iżda bla dubju ta’ xejn ħafna jkunu jistennew dan iż-żmien għall-ikel tradizzjonali tal-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid Qaddis. Imma bħal qisu ħadd m’għandu moħħ xejn.

“Dawk li s-soltu jarmaw fuq barra permezz ta’ gabbani u x’naf jien żgur li se jkunu qed jitilfu l-flus. Anki tal-ħwienet. Qabel ħafna jkun moħħhom biex jixtru l-figolli, il-bajd tal-Għid u ikel tipiku ieħor. Din is-sena jidher li l-entużjżmu għal dawn l-affarijiet hu mill-inqas.”

Hu kompla li naturalment jista’ jagħti l-każ li minħabba li l-familja aktar qed tkun miġbura f’darha, allura jista’ jagħti l-każ li l-figolli din is-sena se jkunu qed jinħadmu fid-djar aktar mis-snin l-imgħoddija.

“Għaliex f’xi ħaġa trid tgħaddi l-ħin. Kemm se ddum tara t-televiżjoni? Imma bla dubju ta’ xejn li dan hu mument tajjeb ukoll biex wieħed jirrifletti u janalizza dak li jkun għaddej minnu fil-ħajja privata tiegħu. Kull deni ħudu b’ġid. U filwaqt li din is-sena addio festi u purċissjonijiet, l-appuntament allura jkun trasferit għas-sena d-dieħla u dan jagħtina stimolu akbar biex inħarsu ‘l quddiem,” temm l-istoriku Pawlu Catania.