Coronavirus Lokali

Aktar minn 1,000 immigrant fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far jibdew jinżammu fi kwarantina

Fiequ tliet pazjenti oħrajn li kienu rriżultaw pożittiv għall-Coronavirus. B’hekk, l-ammont ta’ persuni li huma ddikjarati li fiequ tela’ għal ħamsa.

Dan ħabbru d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne waqt konferenza tal-aħbarijiet, fejn spjega wkoll il-proċess li qed jintuża’ mal-persuni li ġew iċċertifikati pożittivi.

It-tliet persuni huma tifla ta’ 12-il sena, raġel ta’ 55 sena u mara ta’ 23 sena. Is-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci spjegat li dawn se jibqgħu jinżammu għal xi jiem kwarantina u taħt osservazzjoni.

Sadanittant, wara li llum kien irrappurtat li tmien residenti fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far irriżultaw pożittivi għall-Coronavirus, mil-lum stess, aktar minn 1,000 immigrant li hu residenti fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far huma obbligati jagħmlu 14-il jum kwarantina.

Fearne spjega li din m’hijiex kwistjoni ta’ razza, iżda bħalma qed tkun stmata kull persuna oħra li jkollha kuntatt ma’ persuni li jirriżultaw pożittiv għall-Covid-19.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru tal-Intern Byron Camilleri spjega li ħadd ma seta’ jidħol fiċ-Ċentru Miftuħ, ħlief ir-residenti nfushom u l-ħaddiema. B’hekk ikun evitat kwalunkwe tixrid tal-virus. Barra minhekk, dawk li nstabu pożittivi, ġew segregati mill-kumplament tar-residenti.

Camilleri kompla li l-obbligi li l-kwarantina tiġi segwita jgħoddu wkoll għall-persuni li normalment ikollhom kuntatt magħhom, fosthom min iħaddimhom.