Lokali

Imħassbin dwar is-saħħa u t-tfal

Is-saħħa tibqa’ l-akbar tħassib tal-Maltin fl-eqqel tal-pandemija tal-Covid-19. Dan joħroġ minn stħarriġ illi ġie ippubblikat mill-gazzetta The Sunday Times of Malta, fejn joħroġ biċ-ċar x’inhuma dawk it-temi li l-aktar qed jinkwetaw lill-familji bħalissa.

Apparti is-saħħa tal-maħbubin tagħna, fuq nett ta’ din il-lista hemm l-edukazzjoni tat-tfal.

4 minn kull 10 huma inkwetati dwar id-dħul tagħhom u l-finanzi. L-istharrig juri li 22% ta’ dawk li wiegbu huma imhassba li jekk din il-krizi ddum 3 xhur…jaf jitilfu l-impjieg taghhom.

Skont informazzjoni li diġa’ kienet ħarġet fil-Parlament, f’ġimgħa waħda biss minn mindu faqqgħet din il-kriżi f’pajjiżna, kienu diġa’ tkeċċew mat-300 ħaddiem.

Fost dawk l-aktar affetwati hemm ħaddiema fis-settur tat-turiżmu, fir-retail, dawk involuti fis-suq tal-proprjetà, kif ukoll ħwienet żgħar li raw il-bejgħ tagħhom jiġi prattikament zero.

Mis-survey tat-Times jirrizulta li 13% ta’ dawk intervistati jinsabu fuq forced leave.

Apparti kwistjonijiet ta’ xogħol, u l-fatt illi l-maġġoranza jaħsbu li l-awtoritajiet qed jindirizzaw din is-sitwazzjoni ta’ kriżi b’mod tajjeb ħafna, hemm iżda elementi oħra li jħassbu lill-Maltin u l-Għawdxin. Ħafna fil-fatt huma inkwetati dwar l-effetti fuq is-saħħa mentali. Oħrajn huma inkwetati dwar is-saħħa fiżika, u l-provvista tal-ikel.

Interessanti l-fatt li 5% ta’ dawk li wiegbu s-survey qalu li ħajjithom ma nbidlet xejn bil-Covid-19. F’kummenti li ta lit-Times, Stefano Mallia – partner fil-kumpanija li mexxiet dan l-istharrig – qal illi ghad irridu naraw x’se jkun l-impatt veru fuq l-ekonomija kagun ta’ din il-pandemija, iżda donnu n-nies qed iserrħu rashom bil-pakketti li qed joffri l-Gvern. Għalkemm Mallia jinsist li possibilment għadna mhux nirrealizzaw kemm se tkun gravi din il-kriżi u x’effett se jkollha fuq is-suq tax-xoghol.