Ambjent Lokali

L-istaġun tal-kaċċa se jiftaħ fl-10 ta’ April

Il-Gvern ħabbar li se jiftaħ l-istaġun għall-kaċċa għas-summien fir-rebbiegħa, bejn l-10 ta’ April sat-30 ta’ April, minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sa nofsinhar, inkluż fost il-ġimgħa, nhar ta’ Sibt, Ħadd u festi pubbliċi.

Fi stqarrija, il-Gvern qa li kaċċaturi li ghandhom aktar minn 65 sena u dawk kollha meqjusa vulnerabbli ma jistgħux joħorġu għall-kaċċa. Fil-fatt, il-liċenżja tagħhom tal-kaċċa ġiet miżmuma.

L-istess projbizzjoni tgħodd ukoll għal dawk il-persuni li qegħdin kwarantina u oħrajn li huma ordnati joqogħdu f’iżolament. Dan filwaqt li għandhom ikunu obduti wkoll il-kumplament tad-direttivi l-oħrajn, li nħarġu mill-Awtortajiet tas-Saħħa Pubblika, fosthom li mhux permess li jkun hemm miġemgħa ta’ aktar minn tliet persuni.

Il-Gvern qal li, anke f’dan il-każ, ksur ta’ dawn id-direttivi iwassal għal multi ta’ €100 għal kull persuna. Jgħoddu wkoll il-multi għal dawk li suppost qegħdin fi kwarantina iżda jinstabu barra, fejn tapplika multa ta’ €3,000 u multa ta’ €10,000 jekk tinstab barra persuna li suppost tkun f’iżolament.