Futbol Sport

L-istorja tal-partiti preċedenti u storiċi kontra l-Italja, f’Replay tal-lejla

Waħda mill-akbar attendenzi li qatt kellna fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali, kienet fil-partita internazzjonali ta’ nhar is-Sibt, 19 ta’ Diċembru 1992 meta Malta lagħbet kontra l-Italja. Dakinhar Malta tilfet 2-1 f’partita valida mill-grupp ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-1994. It-tim nazzjonali Taljan, f’dak iż-żmien kien immexxi minn Arrigo Sacchi, u f’dik l-istess kompetizzjoni kien wasal sal-aħħar partita tal-kompetizzjoni, meta lagħab il-finali kontra l-Brażil, f’Kalifornja, iżda kienu tilfuha 3-2 wara l-għoti tal-penalties.

F’Diċembru tal-1992, dakinhar Malta taħt it-tmexxija tal-kowċ Pippo Psaila, kellha prestazzjoni mill-aqwa kontra avversarji bil-wisq aħjar minnha. Saħanasitra konna sfortunati li ma ksibniex punt minn dak il-konfront, meta fallejna penalty fit-tieni taqsima tal-partita. Ir-rakkont ta’ dik il-partita storika għall-futbol Malti, f’Ta’ Qali kif ukoll id-dettall tal-episodji li kkaraterizzaw dik il-logħba partikolari, se jkunu rrakkontati f’edizzjoni oħra speċjali ta’ Replay fuq Net Television, tal-lum li tibda fis-6:40pm fuq Net Television, tieqaf għal Net News fis-7:30pm, iżda tkompli mill-ġdid fit-8:30pm sal-10.00pm.

F’servizz riċerkat u miktub minn Christian Micallef, illejla se nkunu nistgħu nsegwu l-istorja tal-partiti bejn Malta u l-Italja li ntlagħbu fis-snin 80 u 90. Fl-1986 u l-1987 dawn iż-żewġ pajjiżi ltaqgħu kontra xulxin darbtejn fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni tal-Kampjonati Ewropej. Fiż-żewġ partiti Malta tilfet kontra l-pajjiż qrib tagħna bl-iskor ta’ 2-0 f’Malta u 5-0 fl-Italja. Il-konfront tal-1992 kien l-ewwel riżultat pożittiv li Malta kisbet kontra l-Italja u saħansitra rrnexxilna niskorjaw l-ewwel gowl, f’partita li kienet ntemmet 2-1. Dakinhar, il-gowl tal-Maltin, li jibqa’ fil-memorja ta’ kull Malti li għex dik il-partita, kien skorjat minn Martin Gregory. Dan tal-aħħar hu wieħed mill-personalitajiet li jitkellem f’dan id-dokumentarju tal-lejla.

Is-servizz jagħti ukoll ħarsa lejn il-partiti li Malta lagħbet fl-2012 u l-2013 u li fid-darbtejn li huma, l-Italja kienu rebħu bl-iskor identiku ta’ 2-0. Dakinhar Malta kienet lagħbet kontra l-Italja fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja. Dan is-servizz estensiv inħadem għal Replay fl-2014 u ma jinkludix l-aħħar żewġ konfronti li kien hemm bejn it-tnejn fl-2014 u l-2015.

Marbut mal-istorja tal-ewwel sitt konfronti fl-istorja kontra l-Italja, f’Replay tal-lejla se nerġgħu nuru servizz li xandarna fl-2014 waqt Replay mis-sensiela li tant kienet popolari ‘Top 5’ dwar l-ikbar ħames mumenti li seħħew fl-ewwel sitt partiti bejn Malta u l-Italja.

Servizzi oħra mill-passat u li se jixxandru llum mir-rubrika ‘Eku tal-Passat’ se jkunu dwar konfronti preċedenti li kien hemm fl-istorja tat-tim nazzjonali Malti kontra r-Repubblika Ċeka, in-Norveġja u l-Iżrael. Fost oħrajn, se ngħixu l-emozzjonijiet sbieħ li offra t-tim Malti kemm fl-1994 kif ukoll fl-2000 meta kontra kull stennija, Malta kienet kisbet punt f’żewġ partiti separati, kontra timijiet nazzjonali b’saħħithom tar-Repubblika Ċeka, u fid-darbtejn f’Ta’ Qali.

Fil-każ tal-partiti mill-imgħoddi kontra n-Norveġja, Malta kellha stejjer sbieħ li forsi mhux kulħadd jaf dwarhom, fosthom id-draw ta’ 1-1 miksub kontra dan il-pajjiż Skandinavu fl-ewwel konfront dirett kontra tagħhom fl-1961, kif ukoll żewġ draws oħra f’Malta, fl-1990 u l-1992, fid-darbtejn f’partiti validi mill-kompetizzjoni li kienet torganizza l-MFA fil-passat, il-famuż Rothmans International Tournament. Kontra Iżrael, Malta qatt ma rrnexxielna nirbħu kontra tagħhom madankollu fl-1987 temmejna fi draw ta’ 1-1 kontra tagħhom f’logħba ta’ ħbiberija u aktar riċenti, fl-2003, f’logħba kompetittiva f’Antalya, Malta kellha prestazzjoni mill-aqwa u ksibna draw storiku ta’ 2-2. Dakinhar għall-Maltin kienu skorjaw Michael Mifsud u David Carabott.

Dawn is-servizzi kollha se tkunu tistgħu ssegwuhom illejla, f’Replay li se jkun qed jibda fis-6:40pm fuq Net Television. Jieqaf għal Net News tas-7:30pm u jerġa’ ikompli b’aktar rakkonti interessanti, fit-8:30pm, sintendi fuq Net Television.

Din se tkun it-tielet ġimgħa konsekuttiva li Replay se jkun qed jiddedika l-programm popolari tiegħu tal-Ħadd filgħaxija b’dan il-format u b’rakkonti dwar it-tim nazzjonali Malti. Fil-ġimagħtejn ta’ qabel, ir-rispons tat-telespettaturi li segwew il-programm kien wieħed kbir. Stħarriġ intern li għamel Replay f’dawn l-aħħar ġimagħtejn, indika li f’dawn l-aħħar ġimgħat l-udjenza li segwiet dawn il-programmi kienet ikbar u kibret minn ġimgħa għall-oħra.

Il-programmi Replay tal-Ħadd jitwasslu bl-appoġġ ta’ Continental Cars Ltd., Gillette u VJ Salomone Marketing, IZIBET, Dragonara Casino, Link Projects Ltd. u Malta Football Players Association.