Lokali

“X’qed tistenna, Ministru Schembri?” – PN

Il-PN jieħu nota tal-fatt li sa fl-aħħar, wara l-appelli fl-aħħar jiem tal-Oppożizzjoni sija fil-Parlament u barra, issa l-Ministru Silvio Schembri fl-intervista li huwa ta llum lil The Malta Independent on Sunday ammetta li l-għoli esaġerat tal-prezzijiet ta’ oġġetti essenzjali tal-ikel f’dawn il-jiem ta’ emerġenza nazzjonali huwa “inaċċettabbli” u “moqżież” u li l-Gvern lest jintervjeni.

Fi stqarrija, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Ivan Bartolo staqsa lill-Ministru x’qedjistenna. Hu ddikjara li dan hu l-mument tal-prova għall-Gvern Laburista għax hemm eluf ta’ familji li iva, qed ibatu l-ġuħ għax ma jistgħux ilaħħqu mal-prezzijiet ġodda tal-ikel essenzjali ta’ kuljum.

Il-Ministru Schembri għandu jkun jaf li l-familji foqra ma jixxaħmux b’€5,000 kuljum kif sħabu fil-Gvern inqabdu jagħmlu u li hu ddefenda bis-sħiħ. Lanqas jirċievu €188,000 kuljum ta’ xejn li l-Ministru u shabu qed jagħtu kuljum ‘l Steward għal tliet sptarijiet nazzjonali, u lanqas għandhom il-paga ta’ Kurt Farrugia tal-Malta Enterprise ta’ €180,000 fis-sena.

L-Oppożizzjoni għandha d-dmir li tibqa’ titkellem għal dawk il-familji fqar, fl-għexieren ta’ eluf minnhom, li l-Gvern nesa. Il-mument li tgħin lill-fqar, Ministru Schembri, huwa ISSA.

Il-fqar ma jieklux il-kavjar jew jixorbu x-xampanja bħal Ministri, iżda jiddependu minn oġġetti essenzjali tal-ikel għall-ħajja ta’ kuljum. Dewmien ta’ azzjoni anke ta’ ftit jiem min naħa tal-Ministru Schembri u sħabu tfisser eternità għall-fqar u għal dawk f’riskju ta’ faqar.