Il-każijiet totali ta’ Coronavirus f’pajjiżna issa telgħu għal 241. B’kollox saru 555 swab fl-aħħar 24 siegħa li minnhom 14 irriżultaw fil-pożittiv.
Sa issa hemm żewġ każi ġodda f’Għawdex… fejn pazjenta minnhom qed tinżamm l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Dan huwa l-ewwel każ li persuna Għawdxija qed tinżamm fl-isptar hekk kif il-persuna l-oħra inzammet f’darha stess.
Fost l-14-il każi ġodda hemm zewġ persuni Maltin ddaħlu l-isptar għal appuntament mediku dwar kundizzjonijiet oħra u mit-testijiet li sarulhom rriżultaw li għandhom il-Covid-19.
Hemm persuna li taħdem fil-qasam tas-saħħa kif ukoll immigrant residenti fiċ-Ċentru miftuħ ta’ Ħal Far.
L-età tal-persuni l-oħra tvarja bejn it-32 u t-73 sena.
Fit-Taqsima tal-Kura Intensiva bħalissa hemm 3 persuni, filwaqt li 2 każijiet jinsabu fl-isptar Monte Karmeli u 8 fi swali oħra f’Mater Dei.
Fl-Isptar Boffa fil-Floriana hemm 16-il każ…filwaqt li 20 każ jinsabu fi sptar privat. Il-każi l-oħra qed jinżammu fid-djar tagħhom.
Fuq domanda ta’ NET NEWS, il-Professur Charmaine Gauci kkonfermat li għaddejja tfittxija għal ragel li irriżulta pożittiv għall-COVID-19…u li ħarab waqt li kien se jittieħed l-Isptar Boffa.
Fuq il-każ li ħareġ fil-media internazzjonali dwar tigra li għandha l-coronavirus, Charmaine Gauci qalet li għadha għaddejja r-riċerka fuq din il-possibbilta ta’ trażmissjoni anke qalb l-annimali.
Hija saħqet li ħadd m’għandu jabbanduna lill-annimali u appellat biex wara li jkun hemm kuntatt mal-annimali, importanti li wieħed jaħsel idejh.
Charmaine Gauci qalet ukoll li t-tfal huma l-iktar persuni li jdumu ma jfiequ minn dan il-virus.
Waqt il-bulettin mediku tat-Tnejn, is-Supritindent tas-Saħħa Pubblika reġgħet tenniet l-importanza biex kull minn iħoss xi sintomi jagħmel kuntatt mal-Awtoritajiet tas-Saħħa.
Finalment, hija appellat bie kulħadd jibqa’ ġewwa u joħroġ biss għall-bżonn. B’hekk biss nistgħu nnaqsu t-tixrid tal-coronavirus.
//= $special ?>