Futbol Sport

34 SENA ILU: Rabat Ajax champions għat-tieni darba fl-istorja tagħhom

(Ritratt: In-Nazzjon)

6 TA’ APRIL 1986

Rabat Ajax iċċelebraw bil-kbir ir-rebħ tat-tieni kampjonat tagħhom meta għelbu lil Valletta 4-0 fl-aħħar logħba. Huma baqgħu bla telfa f’dan l-istaġun u kabbru s-serje tagħhom għal 22 logħba. Tebgħa kerha fir-rebħa Rabtija kienet it-tkeċċija ta’ Emanuel Azzopardi flimkien ma’ Kris Laferla seba’ minuti mit-tmiem. Kien inċident bla bżonn bħalma kienu l-inċidenti li nqalgħu f’nofs l-ewwel taqsima lejn il-mistrieħ. Il-ġurnal In-Nazzjon irrapporta li barra l-grawnd kien hemm tfigħ ta’ ġebel u tgara numru kbir ta’ ġebel minn barra għal ġewwa u min-naħat Ħamruniża u Rabtija.

Il-captain Emanuel Cortis jirċievi kumpliment mill-President ta’ Rabat Tony Abela (Ritratt: In-Nazzjon)

Rabat fetħu l-iskor fil-55 minuta meta minn korner qasir ta’ Mark Miller, EMANUEL AZZOPARDI minn tarf il-kaxxa nganna lil Ray Mifsud li nqabad barra minn postu. L-iskor sar 2-0 fid-69 minuta b’passaġġ ta’ Carmel Busuttil lejn EDMOND CARUANA li rdoppja b’xutt fil-baxx minn angolu diffiċli. Il-Beltin dehru demoralizzati u ħdax-il minuta mit-tmiem MARK MILLER skorja t-tielet gowl b’xutt b’saħħtu wara li Mifsud kien salva mingħajr ma żamm it-tentattiv ta’ Zahra. CARMEL BUSUTTIL issiġilla r-rebħa b’azzjoni individwali lejn it-tmiem.

Fi tmiem il-logħba fost il-briju tal-partitarji numerużi Rabtin, il-President tal-MFA ta’ dak iż-żmien George Abela ppreżenta t-trofew lill-captain ta’ Rabat Emanuel Cortis. Wara l-plejers u l-uffiċjali tal-klabb żammew bandiera kbira bajda u sewda u sellmu lill-folla li laqgħethom b’ċapċip mistħoqq.

Mario Zahra u Jeff Wood (Ritratt: In-Nazzjon)