6 TA’ APRIL 1983
Il-Malta Football Association inawgurat il-kwartieri ġenerali tagħha fi Triq San Pawl il-Belt Valletta 37 sena ilu. Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm il-President ta’ Malta ta’ dak iż-żmien Agatha Barbara kif ukoll il-President tal-FIFA Joao Havelange u l-President tal-UEFA Artemio Franchi. Il-President tal-MFA George Abela ġie rrappurtat jgħid li hu mertu tal-Presidenti ta’ qablu li l-MFA għandha l-istabbilta li kellha dak iż-żmien. Hu kien żied li għandhom ikunu kburi li għall-ewwel darba l-MFA kellha l-proprjetà tagħha.
Abela kien żvela li l-President tal-UEFA Artemio Franchi dejjem kien jgħidlu li żar pajjiżna diversi drabi iżda qatt ma żar il-kwartieri tal-MFA u għalhekk il-President tal-MFA ħass kburi li seta’ jilqgħu fil-proprjetà tagħhom. Franchi kien ilu f’kuntatt mal-MFA għal aktar minn 20 sena. Il-President tal-FIFA Joao Havelange kien impressjonat bl-entużjażmu, ir-rispett u l-ospitalità li urew l-uffiċjali Maltin minn bdew iż-żjara f’Malta. Havelange kien mistieden mill-President ta’ Malta biex jiftaħ is-sala fejn kien se jibda jiltaqa’ l-Kunsill tal-MFA.
//= $special ?>