Coronavirus Internazzjonali

L-Italja titlef 636 oħra kawża tal-Covid-19

L-imwiet bil-Covid-19 fl-Italja telgħu b’636 għal 16,523 skont l-aħħar perjodu speċifiku għall-ġbir ta’ statistika relatata mal-infezzjonijiet fil-pajjiż.

Iċ-ċifra tal-imwiet tidher li rrankat mill-ġdid fuq bażi nazzjonali wara li l-imwiet tal-Ħadd kienu stabbiliti mal-525.

Intant, l-infettati ġodda kienu kkalkulati mal-1,941 li juri tirjib fuq l-ammont tal-infettati (ġodda) għall-Ħadd (2,972) – għaldaqstant komplew l-indikazzjonijiet li l-infezzjonijiet qegħdin jonqsu bħala rata. Naqsu wkoll il-pazjenti li qed jirkupraw huma u jingħataw it-terapija intensiva.

Il-morda bil-coronavirus fl-Italja issa jammontaw għal 93,187 – bl-infettati fir-reġjun tal-Lombardija jiżdiedu b’1,079 għal 51,532 fil-perjodu indikat. Kien hemm ukoll data ‘aktar sodisfaċenti’ li riflettiet tnaqqis fir-rati tal-infezzjonijiet għal Milan, Brescia u Bergamo.