Sport

Bħal-lum 27 sena ġew magħżula l-emblema u l-mascot għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li saru f’Malta

6 TA’ APRIL 1993

Il-President tal-Kumitat Olimpiku Malti ta’ dak iż-żmien il-Maġistrat Gino Camilleri, ħabbar uffiċjalment ir-rebbieħa tal-Konkors għall-Emblema u l-Mascot tal-ħames edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li saru f’Malta fl-1993. L-emblema magħżula minn ġurija apposta kienet disinn ta’ Frank Ancilleri u rrappreżentat is-salib ta’ Malta mdawwar minn tmien ċrieki li rrappreżentaw it-tmien pajjiżi li ħadu sehem f’dik l-edizzjoni. Il-Mascot rebbieħ kien b’disinn ta’ Richard Caruana u rrappreżenta karattru simpatiku bbażat fuq il-personaġġ folkloristiku Malti “Żepp.”

L-ewwel premju ta’ Lm350 inqasam bejn ir-rebbieħa filwaqt li dawk li temmew it-tieni u t-tielet rebħu Lm200 u Lm150. L-emblema u l-mascot li ġew magħżula ntużaw fuq materjal li tqassam f’Malta u fil-pajjiżi parteċipanti bħala pubbliċità għal-logħob. Il-Konkors tnieda mill-Kumitat Organizzattiv f’Jannar tal-1993. B’kollox ħadu sehem 77 disinn b’aktar minn 30 artist Malti jipparteċipaw.