Internazzjonali

Boris Johnson f’kura intensiva

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit Boris Johnson jinsab taħt kura intensiva fi sptar f’Londra wara li l-kundizzjoni tiegħu qalbet għall-agħar matul il-ġurnata tal-bieraħ. L-aħbar kienet ikkonfermata minn Downing Street.

Hu ddaħħal l-iSptar St Thomas il-Ħadd filgħaxija hekk kif wara għaxart’ijiem minn mindu instab pożittiv għall-Covid-19, is-sintomi baqgħu jippersistu, fosthom sogħla u deni.

Iżda matul il-ġurnata tal-bieraħ, Johnson qaleb għall-agħar. Skont il-BBC il-PM kellu bżonn jingħata l-ossiġnu it-Tnejn waranofsinhar u minn hemmhekk ittieħed fit-taqsima tal-kura intensiva. Sorsi li tkellmu mal-istazzjon Britanniku qalu li għalissa Johnson mhux qiegħed fuq ventilator u li l-Prim Ministru mhux mitluf minn sensieh. Iżda l-fatt li kien trasferit fl-ITU jindika li qed jinżamm viċin ta’ ventilator f’każ ta’ bżonn.

Ħafna mix-xogħol li kien f’idejn il-PM issa għadda f’idejn is-Segretarju għall-iStat Dominici Raab, fosthom it-tmexxija tal-laqgħa tal-kuljum tal-cabinet u uffiċjali tal-Gvern dwar is-sitwazzjoni tal-Coronavirus fil-pajjiż.

Matul il-ġurnata tal-bieraħ kienu kkonfermati 439 każ ta’ mewt fir-Renju Unit għal total ta’ 5,373 – ftit iktar minn 10% tal-każi konfermati ta’ coronavirus fil-pajjiż, li huma madwar 51,600