Lokali Qorti

Bormliż jinżamm il-ħabs fuq feriment f’Ħal-Qormi

Raġel ta’ 28 sena minn Bormla ma’ ngħatax il-libertà proviżorja wara li ġiel mixli li fera raġel ieħor b’sikkina waqt argument. L-inċident seħħ f’Ħal-Qormi u Ryan Refalo ġie mixli li kkawża ġrieħi ħfief lill-vittma u lil terzi f’Wied iċ-Ċawsli, f’Ħal Qormi.

Fil-Qorti ħareġ li l-allegat vittma kien qed isegwi lil Refalo fi Triq l-Imdina fejn wara li kellhom xi jgħidu bl-irjus jisħnu tant li aktar tard ikkonfrontaw lil xulxin fejn allegatament huwa ta daqqa ta’ sikkina lill-vittma.

Refalo ġie mixli li fera persuna li għadu jinsab rikoverat fl-isptar Mater Dei, li kiser il-paċi pubblika, li hedded lill-vittma u li kiser kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja ta’ sentenza mogħtija lura fl-2012.

Refalo wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u l-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Nadine Lia ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Fost ir-raġunijiet peress li l-vittma għad irid jixhed f’dawn il-proċeduri.

Huwa ġie mixli wkoll li kiser il-paċi pubblika, li kellu fil-pusses tiegħu arma bla liċenzja u b’theddid. Il-Qorti qalet ukoll li anke għall-fatt li kiser il-kundizzjonijiet tal-Qorti, l-akkużat mhuwiex affidabbli. L-Ispettur Alfredo Mangion mexxa l-Prosekuzzjoni.