Futbol Sport

Heung-Min Son se jkollu jagħmel is-servizz militari fil-Korea ta’ Isfel

(Ritratt: EPA)

Tottenham ikkonfermaw li Heung-Min Son se jkun qed jagħmel is-servizz militari mandatorju ta’ erba’ ġimgħat dan ix-xahar fil-Korea ta’ Isfel. Il-plejer ta’ 27 sena kien eżentat mis-servizz militari ta’ 21 xahar wara li rebaħ il-midalja tad-deheb ma’ pajjiżu fil-Logħob Asjatiku fl-2018.

Iżda hu xorta jrid jagħmel erba’ ġimgħat servizz. Minħabba li l-Premier League jinsab sospiż għal dawn il-ġimgħat li ġejjin minħabba l-coronnavirus, iż-żewġ partijiet qablu li dan hu l-aħjar żmien li jagħmel is-servizz militari.

Son ilu mill-Korea ta’ Isfel mill-aħħar ta’ Marzu wara li kien qed jirkupra minn ksur f’idu li sofra waqt ir-rebħa ta’ 3-2 li Tottenham kellhom kontra Aston Villa fi Frar. Hu bħalissa jinsab fi kwarantina b’rabta mal-linji gwida tal-gvern dwar il-coronavirus. Il-winger jirritorna Londra wara t-tmiem tas-servizz militari f’Mejju.