Coronavirus Għawdex Lokali Saħħa

Il-Gvern għandu jara li jserraħ ras l-Għawdxin dwar l-imxija tal-COVID-19

Mill-arkivji

Għaddiet aktar minn ġimgħa minn meta permezz ta’ stqarrija għamilna numru ta’ mistoqsijiet lill-Ministeru għas-Saħħa, l-Ministeru għal Ghawdex u Steward Health Care dwar il-preparamenti jew nuqqas tagħhom fl-isptar ġenerali ta’ Għawdex. Minkejja dan, dawn il-mistoqsijiet ma ġewx imwieġba u fl-aħħar jiem komplew jizdiedu flok jonqsu l-inċertezzi marbuta mal-preparamenti fl-uniku sptar f’Għawdex li illum m’għadux sptar pubbliku iżda huwa sptar tal-privat.

Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar Għawdex u r-Riforma Kostituzzjonali Chris Said, mid-Deputat Whip Frederick Azzopardi u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Artijiet, il-Kostruzzjoni u Ippjanar Sostenibbli Kevin Cutajar, saħqu li nħossu d-dover li nerġgħu nsostnu li hemm mistoqsijiet li għandhom jiġu mwieġba bla dewmien biex nserrħu ras l-Għawdxin li l-preparamenti saru u qed jittieħdu l-passi kollha li jistgħu jittieħdu. Kemm il-sodda tat-terapija intensiva zdiedet fl-Isptar Generali ta’ Ghawdex?; Kemm il-ventilator hemm fl-isptar ġenerali ta’ Għawdex?; Kemm ġew ordnati ġodda?; kemm waslu minn dawn il-ġodda?; Għaliex pazjenti li rriżultaw pożittivi għall-COVID-19 f’Għawdex qed jinżammu fis-swali normali ma’ pazjenti oħra?; Min ħa din id-deċiżjoni?; Dan hux riskju żejjed?; Għaliex il-protokoll użat f’Għawdex huwa totalment differenti minn Malta?.

Skont il-Ministri tas-Saħħa u ta’ Għawdex kellhom jizdiedu 120 sodda fl-isptar ġenerali ta’ Għawdex. Sal-lum minn dawn ma żdiedu xejn, anzi jidher li minkejja li mhux qed isiru operazzjonijiet li mhux urgenti, xorta waħda l-wards tal-isptar jinsabu mimlija minħabba numru ta’ anzjani li qed jistennew postijiet fi djar tal-anzjani li minkejja li ġew imwegħda mill-Gvern għal dawn l-aħħar sitt snin baqgħu ma tlestewx. Meta se jkunu lesti dawn il-120 sodda?; Hemm tobba, infermieri u staff bizejjed biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb l-pazjenti f’dawn is-sodod meta jiżdiedu u jekk jiġu bżonnhom?  L-istaff tal-isptar ta’ Għawdex ma jidhirx li żdied iżda pjuttost naqas fl-aħħar ġimgħat.

L-anzjani ta’ Sant’Anna għadhom fl-isptar ġenerali ta’ Għawdex. Meta se jittieħdu fil-lukanda fir-Rabat?; Għaliex dan id-dewmien kollu?; Dan mhux riskju għal dan in-numru kbir ta’ anzjani li għadhom fl-isptar meta fl-istess sptar hemm każijiet pożittivi. Għaliex it-testijiet fuq swabs li jittieħdu f’Għawdex m’humiex isiru fil-laboratorju tal-isptar ġenerali ta’ Għawdex?; Għaliex ma nġiebx l-apparat li hemm bżonn?; Dan id-dewmien żejjed qed joħloq problema u ansjetà għalxejn. 

Għaliex ix-xufiera tal-ambulanzi u vetturi tas-saħħa tħallew kollha f’kontejner fuq xulxin?  Għaliex ma ġewx mqassma f’postijiet differenti jekk hemm bzonn barra mill-isptar? Jekk ikun hemm problema fost dawn il-ħaddiema min se joffri dan is-servizz?. Inħeġġu lill-Gvern jirrispondi bla dewmien dawn il-mistoqsijiet biex iserraħ ras l-Għawdxin.

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista tifhem il-mument delikat, li bħall-bqija tad-dinja, tinsab fih il-gżira ta’ Għawdex minħabba l-imxija tal-COVID-19. Għalhekk qed nerġgħu noffru l-kollaborazzjoni tagħna permezz ta’ rakkomandazzjonijiet u kritika kostruttiva biex Għawdex ukoll ikun jista’ jilqa’ għall-isfidi li qed iġib miegħu dan il-virus.