Lokali

Il-kuntratt ta’ Neville Gafa jibqa’ misteru

Wara seba’ xhur, baqghet ma waslet ebda tweġiba mill-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data dwar il-pubblikazzjoni tal-kuntratt tal-eks ufficjal tal-Gvern Laburista Neville Gafa.

Din l-aħbar ħarġet il-Ħadd mill-gazzetta The Malta Independent on Sunday illi sostniet li hi kienet bgħatet din it-talba xhur ilu, wara ilment imressaq fit-28 t’Awwissu.

Primarjament, it-talba kienet saret wara li l-Gvern kien irrifjuta talba biex jagħti kopja tal-kuntratt ta’ Gafa. Din it-talba originali kienet saret fit-2 ta’ Lulju tal-2019.

Il-kopja tal-kuntratt ta’ Gafa kienet mitluba, flimkien ma’ informazzjoni dwar liema Ministeru jew entità timpjegah u xi kwalifiċi għandu biex jaghmel dan ix-xogħol.

Din l-informazzjoni hi ta’ interess pubbliku anke minħabba l-fatt li dan l-aħħar l-istess Neville Gafa’ ftaħar li hu kien imur il-Libja biex iwaqqaf l-immigranti. Iżda sa issa, ħadd ma jaf jekk dan hux veru jew le.

It-talba għall-kuntratt ta’ Gafa’ kienet ġiet rifjutata abbażi tal-fatt li l-informazzjoni hija pubblikament disponibbli permezz ta’ mistoqsija parlamentari mressqa fit-8 ta’ Lulju.

Il-mistoqsija parlamentari li saret referenza għaliha fir-risposta tat dettalji tal-pożizzjoni ta’ Gafa u l-iskala tas-salarju iżda ma żvelatx il-kuntratt tiegħu.

Dwar din it-talba, il-gazzetta qalet li kontinwament bgħatet korrispondenza biex tfakkar lill-Uffiċċju tal-Kummissarju tad-Data, fejn insistew għal tweġiba, iżda dejjem baqghu itawwlu z-zmien u jwiegbu li “qed jaħdmu fuqha”. Sa issa, wara seba’ xhur, il-kuntratt ta’ Neville Gafa għadu misteru u l-poplu Malti għad m’għandux din l-informazzjoni.