Il-Gvern għall-Għaqda Nazzjonali fil-Libja ikkundanna l-attakki kontinwi li l-Armata ta’ Khalifa Haftar qed tmexxi fuq id-distrett ta’ Abu Salim, lejn in-nofsinar ta’ Tripli.
Il-qawwiet ta’ Haftar, li fi tmiem il-ġimgħa kienu involuti f’aktar battalji mat-truppi tal-Gvern, ibbumbardjaw mill-ġdid l-inħawi ta’ Abu Salim fost ħsarat kbar materjali għall-proprjetà privata u pubblika.
Filwaqt li ma ħarġux ċifri dwar vittmi, ġarrbu l-ħsarat numru sinifikanti ta’ djar u karozzi, bil-kelliema għall-Gvern tal-Prim Ministru Fayez al-Sarraj isostnu li l-attakki fuq iz-zoni okkupati minn ċivili saru xi ħaġa ta’ kuljum fost il-miżerja tar-residenti.
Fl-aħħar sigħat, il-qawwiet tal-Prim Ministru al-Sarraj, li għandu l-appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti, avvanzaw fuq diversi fronti fejn tefgħu lura lill-ġellieda ta’ Haftar li ilhom sena jissieltu biex jaħtfu kontroll ta’ Tripli.
Sadanittant it-Turkija, li hi alleata ta’ Fayez al-Sarraj, qed tkompli bl-inkursjonijiet militari tagħha fil-Libja, man-naħa l-oħra tal-fruntiera. Dan meta l-President Tork, Recep Tayyip Erdogan mhux qiegħed juri sinjali li se jżomm lura mill-impenji militari fil-Libja, fejn il-konflitt reġa’ ħa spinta fl-aħħar ġranet.
Fi żviluppi oħra, ajruplan tal-militar ta’ Haftar intlaqat mill-isparar tal-qawwiet tal-Gvern waqt li kien għaddej minn fuq in-nofsinar ta’ Tripli.
Ingħad li l-ajruplan kien qed itir minn fuq il-belt ta’ Tarhouna, li l-ġellieda ta’ Haftar qegħdin jużaw bħala bażi minfejn imexxu l-attakki fuq il-qalba tal-kapitali. Rapporti oħrajn min-naħa tal-Gvern sostnew li l-ajruplan kien qed iġorr kunsinna ta’ munizzjon għall-ġellieda ta’ Haftar biex ikomplu b’din l-offensiva.
//= $special ?>