Coronavirus Lokali

Jibda l-lockdown fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far

Beda lockdown ta’ 14-il ġurnata fiċ-Ċentru Miftħuħ ta’ Ħal Far wara li tmien residenti rriżultaw pożittiv għall-Coronavirus.

Barra dan iċ-ċentru hemm sigurta stretta bil-preżenza ta’ numru ta’ membri tal-Forzi Armati u tal-Korp tal-Pulizija hekk kif aktar minn 1,00 ruħ jinsabu maqfula ġewwa.

Innutajna moviment żgħir wara l-grada iżda evidenti li numru kbir ta’ immigranti qed jibqgħu fil-kmamar tagħħhom.

Dan wara lockdown ta’ ġimgħatejn li tħabbar mid-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne waqt konferenza tal-aħbarijiet, akkumpanjat mal-Ministru tal-Intern Byron Camilleri u mis-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci.

Il-Ministru Fearne insista li din mhix kwistjoni ta’ razza, iżda bħal fil-każ ta’ kwalunkwe persuna oħra, qed jittieħdu l-istess passi anke f’dan iċ-Ċentru.

Meta mistoqsija minn NET News, il-Professur Gauci kkonfermat li wieħed minn dawn it-tmienja rriżulta pożittiv matul il-ġurnata tal-Ħadd.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Byron Camilleri spjega li ħadd mhu se jkun jista’ jidħol fiċ-Ċentru Miftuħ, ħlief ir-residenti nfushom u l-ħaddiema. B’hekk ikun evitat kwalunkwe tixrid tal-virus. Barra minhekk, dawk li nstabu pożittivi, ġew segregati mill-kumplament tar-residenti. Hu nsista li ħadd m’għandu jipprova jħajjar lil xi residenti joħorġu jaħdmu għax dan l-aġir se jkun meqjus bħala illegali.

Camilleri spjega li l-impjegati fiċ-Ċentri, fosthom membri tas-sigurtà, se jkunu qed ingħataw kull tagħmir ta’ protezzjoni meħtieġ u li mhux se jkunu qed jagħmlu kuntatt mal-immigranti li s’issa ttestjaw pożittiv.

Sadanittant, fi stqarrija f’isem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern Beppe Fenech Adami, il-Partit Nazzjonalista qal li s-saħħa tal-poplu trid tiġi protetta b’deċiżjonijiet f’waqthom u mhux reattivi.

Il-miżura mħabbra mill-Gvern qed tittieħed tard wisq għax il-Partit Nazzjonalista ilu għaxart ijiem li wissa’ dwar il-periklu tat-tixrid tal-Coronavirus f’ċentri u bħal dan u anke fil-Ħabs. Iżda l-Gvern ittama li dan ma jseħħx, minflok ma pprepara ruħu għall-ħażin.

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern għandu b’mod immedjat jassigura li jsir swabing lir-residenti kollha fiċ-Ċentri Miftuħa, li l-iffullar f’dan iċ-Ċentru partikolari jiġi indirizzat u anke l-miżuri kollha biex is-saħħa tal-ħaddiema li jaħdmu ma’ dawn ir-residenti tkun imħarsa bl-aktar mod effettiv.

Il-Partit Nazzjonalista sellem lill-ħaddiema kollha li, f’dan il-mument diffiċli, qed jagħmlu dak kollu possibbli biex jissalvagwardjaw saħħet il-poplu Malti u Għawdxi.