Lokali

Mozzjoni mill-PN għal inkjesta pubblika dwar l-aġir jew nuqqasijiet tal-awtoritajiet wara l-mewt ta’ Miriam Pace

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista llum ressqet mozzjoni sabiex il-Prim Ministru Robert Abela jwaqqaf inkjesta pubblika indipendenti li fi żmien xahrejn jirrapporta jekk fil-każ li wassal għal mewt ta’ Miriam Pace, l-istituzzjonijiet wettqux dak li kien mistenni minnhom sabiex jipproteġu l-ħajja u l-interessi ta’ terzi, qabel u waqt ix-xogħlijiet tal-kostruzzjonijiet u jekk ittieħdux il-miżuri kollha meħtieġa. 

F’mozzjoni li ressqu l-Kap tal-PN Adrian Delia u d-Deputati Claudio Grech u Robert Cutajar għan-nom tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista qalu li l-inkjesta pubblika għandha tistabbilixxi wkoll jekk il-miżuri li ttieħdu kienux adewgati sabiex jipproteġu l-ħajja u jekk setgħux ittieħdu miżuri oħrajn biex din il-mewt traġika ta’ Miriam Pace tiġi evitata, u jekk min kien fdat fit-tmexxija ta’ dawn l-istituzzjonijiet kienx kwalifikat, imħarreġ, kompetenti, ippreparat u attrezzat biżżejjed biex ilaħħaq mal-obbligi tal-infurzar tal-liġijiet li jirregolaw is-settur tal-kostruzzjoni. 

Il-bord ta’ din l-inkjesta pubblika għandu jkun immexxi minn imħallef u b’maġistrat bħala wieħed mill-membri u għandu jkollu l-mezzi, r-riżorsi u s-sostenn loġistiku kollu meħtieġ fil-qadi tal-inkarigu. Ir-rapport tal-inkjesta pubblika għandu jitressaq lill-Ispeaker tal-Kamra u jkun ippubblikat minnufih. 

L-Oppożizzjoni qed tressaq din il-mozzjoni wara li issa għadda aktar minn xahar mill-mewt ta’ Miriam Pace u minkejja d-diversi talbiet għal inkjesta pubblika dwar l-aġir jew possibbilment nuqqasijiet tal-Awtoritajiet din l-inkjesta baqgħet qatt ma twaqqfet