Setturi oħra tax-xogħol, anke mill-qasam tal-professjonisti, għamlu talbu lill-Gvern għall-ghajnuna finanzjarja, minħabba li qegħdin ukoll jintlaqtu ħażin mill-pandemija tal-COVID-19.
Fi stqarrija li ppreżentaw flimkien, il-Kamra tal-Periti, il-Kamra tal-Avukati, il-Kunsill Notali, l-Assoċjazzjoni tad-Dentisti u l-Istitut tal-Accountants dawn sostnew li ressqu proposti għall-għajnuna mill-Gvern f’laqgħa mal-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schembri.
Dan kollu għamluh biex jilqgħu għad-diffikultajiet ekonomiċi u soċjali ta’ portata kbira li ġabet magħha l-pandemija. Tennew li l-għajnuna tal-Gvern għandha tkun ekwa anke mal-professjonijiet, li għandhom jiġu nklużi.
Ir-rappreżentanti tal-Kamra ta’ l-Avukati, tad-Dental Association of Malta, tal-Kamra tal-Periti, tal-Kunsill Notarili ta’ Malta u tal-Malta Institute of Accountants iltaqgħu mal-Ministru Silvio Schembri u ppreżentawlu qafas ta’ proposti għal Strateġija Nazzjonali dwar miżuri ekonomiċi għall-kunsiderazzjoni tal-Gvern sabiex jilqa’ għad-diffikultajiet ekonomiċi u soċjali severi li ġabet magħha l-pandemija tal-COVID-19.
Dawn il-proposti japplikaw għas-setturi kollha u għandhom l-għan li jassiguraw l-għajnuna tal-Gvern b’mod ekwitabbli, u huma mmotivati mit-twemmin li l-professjonijiet jiffurmaw parti integrali mill-komunita’ li fiha ngħixu u nipprattikaw, u li għalhekk għandna dmir li nagħtu l-kontribut tagħna sabiex tinstab soluzzjoni bbilanċjata għall-problemi ekonomiċi li pajjiżna qiegħed jiffaċċja.
Il-korpi li jirrappreżentaw il-professjonijiet ħejjew ukoll sett ta’ miżuri li għandhom l-għan li jassistu lill-professjonisti fil-qafas tal-iStrateġija Nazzjonali. Dawn ilproposti kienu msaħħa permezz ta’ stħarriġ li sar mill-korpi rispettivi matul l-aħħar ġimgħatejn fost il-membri tagħhom li juru biċ-ċar li filwaqt li l-impatt sħiħ għad mhux magħruf, l-impatt immedjat huwa sinifikanti.
Jekk is-sitwazzjoni ttul, dan ser joħloq pressjoni qawwija fuq il-professjonisti li huma self-employed sabiex ilaħħqu mal-pagamenti tagħhom, u ser joħloq ukoll pressjoni kbira fuq ilkumpanniji u ditti ta’ professjonisti speċjalment minħabba r-riżorsi umani li huma jimpjegaw minħabba t-tnaqqis fix-xogħol u b’konsegwenza l-inabbilta’ li jħallsu ssalarji dovuti.
Il-proposti li ġew sottomessi lill-Gvern jirrikonoxxu li hemm setturi ekonomiċi filpajjiż li ġew milquta b’mod qawwi, u li l-miżuri li qiegħed jaddotta l-iStat għandhom jagħtu prijorita’ li dawn is-setturi; il-korpi fil-fatt jaqblu ma’ din l-istrateġija tal-Gvern, iżda wissew li l-professjonijiet mhumiex immuni għal dak li qiegħed jiġri fuq livell nazzjonali.
Il-Ministru Schembri laqa’ l-proposti u tenn li jaqbel magħhom fil-prinċipju. Hu mistenni li d-diskussjonijiet jitkomlu fil-ġimgħat li ġejjin.
//= $special ?>